Alex Attard
L-artist u pittur klassiku figurattiv,Mario Zammit-Lewis, bħalissa qed jesebixxi x-xogħlijiet artistiċi tiegħu f’wirja li qed tittella’ fid-Dar Ċentrali tal-PN, f’Tal-Pietà u li tagħlaq għada l-Ħamis. Il-wirja tikkonsisti f’aktar minn 50 pittura li fi kliem l-artist Mario Zammit-Lewis stess hu post ideali u organizzat b’mod professjonali, li xejn ma tnaqqas minn gallerija tal-arti proprja. Mario Zammit-Lewis għex ħafna l-Italja, Franza, l-Afrika ta’ Fuq, il-Lvant Nofsani u fl-Asja. Kif fisser Mario Zammit-Lewis f’intervista ma’ In-Nazzjon fil-jiem li għaddew, il-pitturi tiegħu fiż-żejt huma mfittxija u huma investiment.
Min hu Mario Zammit-Lewis?
Mario Zammit-Lewis hu meqjus bħala “iben id-dinja”, kif ħafna kritiċi tal-arti Taljani jħobbu jiddeskrivuh, peress li għex terz minn ħajtu fl-Ewropa, terz fl-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani, u terz fl-Asja. Artist ta’ 75 sena li jpitter biż-żejt u studja għal 18-il xahar fir-Renju Unit, fi Franza għal seba’ snin, u fil-bidu tas-sittinijiet rebaħ l-ewwel premju tiegħu fl-arti.
Fl-1963, il-familja tiegħu marret tgħix fil-Piemonte, f’Turin, fejn studja l-arti għal sena u ltaqa’ ma’ Pontecorvo u beda jistudja l-arkitettura. Madankollu, waqaf peress li kien diġà qed jaħdem b’mod indipendenti bħala interior designer, fost oħrajn.
Kif bdiet il-passjoni għall-arti?
Bdiet f’Colombe, fil-provinċja ta’ Pariġi, l-aktar billi kont niddisinja ritratti u binjiet. Iżda wara li rbaħt l-ewwel premju tiegħi – li dak iż-żmien kien ktieb (‘Plongeur en herbe’) li għadu għandi sal-lum – l-imħabba tiegħi għall-arti kompliet tikber.
Meta u fejn saret l-ewwel wirja tiegħek?
L-ewwel wirja tiegħi kienet f’Turin fil-Gallerija tal-Arti Cassiopea fl-1970, u mbagħad fl-1971 fil-Hotel Alessandria, ukoll f’Turin.
Liema mill-wirjiet tiegħek kienu l-aktar ta’ suċċess?
Kull wirja individwali hi suċċess għax nista’ nispjega l-istorja wara kull pittura. Madankollu, il-wirjiet kollettivi jagħtuni l-opportunità nesebixxi madwar id-dinja.
Jekk irrid nenfasizza waħda, tkun il-wirja antoloġika tiegħi fil-Parlament Malti fil-Belt Valletta, għal żewġ raġunijiet: l-ewwel għax is-sala hi disinjata minn Renzo Piano, u t-tieni għax il-wirja tiegħi nfetħet mill-kritiku tal-arti rinomat Vittorio Sgarbi, li kien għadu kif ġie maħtur bħala Viċi Segretarju għall-Kultura fl-Italja, fil-preżenza ta’ kritiċi tal-arti oħra bħal Leonarda Zappulla u Sandro Serradifalco.
Liema wirjiet kienu l-aktar sinifikanti u prestiġjużi fil-karriera tiegħek?
Għandi ħafna, kemm kollettivi kif ukoll individwali, fosthom f’Pariġi fil-Carrousel du Louvre, f’Berlin (fejn kont mistieden darbtejn), fi New York, Budapest, Londra u f’Barcelona fil-MEAM, fost ħafna oħrajn.

X’inhuma l-preferenzi u l-ispirazzjonijiet artistiċi?
Peress li jien pittur klassiku figurattiv, nistħajjilni aktar imdawwal minn artisti bħal Rembrandt, Tiziano u Raffaello. Però, napprezza wkoll il-kreattività ta’ Pablo Picasso, anke jekk fis-snin sebgħin u tmenin għaddejt minn fażi differenti ta’ arti aktar ġeometrika u kulurita.
Kif evolviet il-konnessjoni tiegħek mal-wirjiet Maltin matul iż-żmien?
Jien Malti u lura Malta b’mod permanenti minn madwar 10 snin ilu. Għalhekk, kien importanti għalija li nkompli niżviluppa l-arti tiegħi hawn, minkejja li għadni niġi mistieden biex nipparteċipa f’10 sa 15-il wirja fis-sena madwar id-dinja.
X’wasslek biex tesebixxi xogħlok f’Malta?
Il-binjiet prestiġjużi u storiċi ta’ Malta, li jgħaqqdu l-passjoni tiegħi għall-arkitettura mal-arti tiegħi.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech josserva x-xogħol tal-artist Mario Zammit-Lewis dakinhar tal-inawgurazzjoni tal-wirja, aktar kmieni dan ix-xahar, fid-Dar Ċentrali. (Ritratt: Martin Agius)
X’kien ir-raġunament wara l-esebizzjoni tiegħek fil-kwartieri ġenerali tal-PN?
L-ewwel nett, għax kont mistieden nesebixxi f’sala organizzata b’mod professjonali, li xejn ma tnaqqas minn gallerija tal-arti proprja. It-tieni, il-post huwa ideali, u fl-aħħar mill-aħħar, l-arti m’għandhiex politika.
Kif laqgħu l-Maltin l-arti tiegħek?
Nista’ ngħid li l-akkoljenza kienet eċċellenti. Bħal fil-Gran Britannja, f’Malta għandi kollezzjonisti passjonati għax-xogħol tiegħi, xi wħud minnhom għandhom erba’, jew ħames pitturi tiegħi, u jikkummissjonawni għal aktar. Fl-aħħar mill-aħħar, l-arti tiegħi hija investiment.
Kif influwenzak iż-żmien li qattajt barra minn Malta, speċjalment fl-Italja, fl-istil u l-apprezzament artistiku tiegħek?
Dejjem ngħid li l-Italja hija mużew ħaj, u għandha l-aktar kritiċi tal-arti prestiġjużi fid-dinja, peress li kullimkien fejn tħares tara arti Taljana spettakolari. Kif qal Vittorio Sgarbi waqt il-wirja tiegħi: “Ma tistax tapprezza bis-sħiħ l-arti Taljana mingħajr ma żżur Malta.”
X’jattirak lura lejn Malta?
L-aktar ħaġa bażika – dejjem ħassejtni Malti, u dejjem ivvjaġġajt b’passaport Malti, li bih ninsab kburi.

Din l-intervista dehret f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 26 ta’ Frar, 2025.
//= $special ?>