Lokali

OPINJONI: Ġenerazzjoni ġdida fil-klassi

Huwa importanti li nifhmu aktar li d-dinja qed tinbidel u fl-istess waqt għandu jinbidel il-mod ta’ kif għandu jsir it-tagħlim

mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

Ir-rumanz ta’ Oliver Friggieri ‘Ġiżimin li Qatt ma Jiftaħ’ jagħtina diversi okkażjonijiet fejn bħala qarrejja nirriflettu dwar dak kollu li huwa n-norma u allura ma niddubitawhx.

Madankollu, fid-dinja tal-lum, fejn kollox u kulħadd huwa ddubitat, huwa diffiċli biex inħarsu lejn aspetti jew oqsma li ma jkunux iddubitati.

Fir-rumanz, il-protagonist, Toninu – tfajjel li qiegħed ipassi l-mogħdija li tieħdu mit-tfulija għaż-żgħożija – jistaqsi fost ħafna mistoqsijiet intellettwali anke jekk fl-innoċenza tan-natura tagħhom dwar l-eżamijiet tal-klassi u għaliex dawn ma jitneħħewx darba għal dejjem la darba ħadd ma jridhom u kulħadd jibża’ minnhom.

Missieru, aktarx maħsud b’tali reazzjoni, jgħarrfu li l-eżamijiet tal-klassi huma prekersur għal dak li toffri l-ħajja, kollha eżamijiet li għalihom tista’ tkun lest imma tfalli, u tista’ ma tkunx lest u tgħaddi.

Ir-rabta diretta tal-eżamijiet mal-ħajja

Dan il-paradoss interessanti u li għandna nanalizzawh sewwa, jurina li l-eżamijiet tal-iskola għandhom rabta diretta mal-ħajja. Qiegħed ngħid paradoss għaliex sa minn dejjem smajna l-argument li rridu nistudjaw biex ngħaddu mill-eżamijiet, imma l-aktar eżamijiet importanti – dawk tal-ħajja – nistgħu ngħadduhom mingħajr ma nistudjaw għalihom.

L-iskola hija n-norma fis-sistema speċifika tagħha u bl-eżamijiet jew l-assessjar, u ftit li xejn inbidlet mill-ewwel forom ta’ ‘skola’ jew ‘klassi’: l-għalliema jgħaddu l-informazzjoni lit-tfal quddiemhom li għal mijiet ta’ snin (u forsi anke llum) dehru dejjem bħala ‘tabula rasa’, jiġifieri ‘karta vojta’ li qed timtela kuljum, u dan fi kliem il-Filosofu John Locke.

Irridu nifhmu imma, li llum it-tfal fil-klassijiet huma kompletament differenti minn hekk, u lkoll jidħlu fil-klassijiet tas-snin obbligatorji bil-bagalja tal-informazzjoni magħhom li jkunu qabdu jgħabbu sa mill-ewwel ftit xhur tagħhom, kemm mid-dar u kemm mill-esperjenza edukattiva tal-kindergarten.

Mela, nistgħu ngħidu li l-andament soċjoedukattiv qiegħed jinbidel u miegħu jridu jinbidlu x-xejriet tal-klassi. Jidhirli li l-bidla fil-filosofija tal-klassi hija dejjem diffiċli u mhux dejjem isseħħ għal żewġ raġunijiet primarji: mhux l-għalliema kollha kapaċi jinbidlu skont iż-żminijiet u jgħaddu mill-proċess ta’ ‘unlearning the system’ biex jerġgħu jitgħallmu skont iż-żmien; u mhux l-għalliema kollha jistgħu jifhmu l-bidliet fit-tfal quddiemhom.

‘Generation Alpha in the Classroom’

Il-ġimgħa li għaddiet attendejt għal tnedija ta’ ktieb ġdid, pubblikazzjoni ta’ Oxford Press, miktuba minn Erika Galea u Olga Sayer intitolat ‘Generation Alpha in the Classroom’. Id-diskussjoni dwar in-newroxjenza fl-edukazzjoni u kif din għandha l-ħila tilħaq lit-tfal imwielda fil-ġenerazzjoni alpha – jiġifieri bejn l-2010 u l-2024 – qiegħda taqbad sewwa u rridu niftħu widnejna sewwa għaliha.

Irrid nagħmel żewġ osservazzjonijiet li saru waqt din it-tnedija u li ħallewni naħseb dwarhom.

Wieħed mill-kelliema, Adrian Gellel, fetaħ id-diskors qasir imma konċiż tiegħu billi afferma li “learning is natural, but schooling is not”, argument validu u li jkisser in-norma li ftaħt biha dan l-artiklu. Jekk it-tagħlim allura huwa naturali, l-ambjent tal-klassi u l-modi kif nistennew lit-tfal jitgħallmu, aktarx mhuwiex.

B’hekk mela, fi kliem Erika Galea, irridu noħolqu konnessjoni bejn l-għalliema u t-tfal għaliex la t-tagħlim huwa esperjenza naturali, u t-tagħlim isir fil-qafas tal-klassi, huwa possibbli.

Il-bidliet li rridu nagħmlu

Kelliem ieħor, Zachary Walker, ġabar dawn l-argumenti kollha flimkien, u jistednuna naħsbu serjament dwar il-bidliet li rridu nagħmlu, u kif irridu nagħmluhom.

Walker beda billi għall-mument uża l-allegorija ta’ żewġ logħbiet popolari – anke jekk fi żminijiet differenti: Tetris u Minecraft. Il-logħba Tetris (1985) hija dik il-logħba li fiha l-blokok jinżlu kull kulur u kull qies minn fuq, u l-plejers iridu jpoġġuhom f’posthom bl-aħjar mod possibbli f’ħin qasir immens biex jagħmlu spazju għall-blokok li għad iridu jinżlu. Il-plejers hawn huma mistennija jaħsbu u jieħdu deċiżjonijiet spissi skont dak li qed jaqa’ mis-sema.

Mill-banda l-oħra, il-logħba Minecraft (2009), hija wkoll logħba ta’ blokok, imma mhux biss. Hemm ukoll kreaturi oħra u sens ta’ komunità fejn il-plejers huma mistennija jaħsbu, joħolqu u jieħdu deċiżjonijiet mhux daqstant fl-immedjat għal dak kollu li ġej għalihom minn kullimkien.

Dawn iż-żewġ logħbiet jistgħu jidhru bħala l-esperjenza tal-klassi, fejn il-plejers isiru l-istudenti. L-informazzjoni tiġi minn fuq biss fit-Tetris (mill-għalliem) waqt li fil-Minecraft, l-informazzjoni tiġi minn kullimkien u b’mod kostanti. Din tal-aħħar tirrappreżenta d-dinamika tad-dinja moderna u kif it-tfal huma esposti għall-informazzjoni li ma tasalx biss mill-klassi imma minn sorsi oħra bħall-internet u l-bqija filwaqt li tal-ewwel tfakkarna f’kif is-sors ta’ informazzjoni fil-klassi, fil-passat, kienu biss l-għalliema li ‘jwaddbu’ l-informazzjoni minn fuq.

It-tagħlim f’dinja li qed tinbidel…

Dan għalhekk jurina kemm hu importanti li nifhmu aktar li d-dinja qed tinbidel u fl-istess waqt il-mod ta’ kif għandu jsir it-tagħlim.

F’dan il-kuntest, il-ktieb ta’ Galea u Sayer jagħtina xenarji avvanzati imma prattiċi dwar il-klassi tal-lum u ta’ għada u li fiha ma hemmx it-tfal tal-bieraħ.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 26 ta’ Frar, 2025.