Alex Borg, PN
Ix-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg qal fil-parlament li l-liġi dwar l-inkjesti hi ta’ periklu kbir għar-reputazzjoni ta’ Malta.
Alex Borg qal li din il-liġi dwar l-inkjesti se tipperikola l-indipendenza tal-investigazzjonijiet għaliex il-pulizija huma taħt is-superviżjoni ministerjali b’riskju kbir ta’ manipulazzjoni tal-evidenza. Dan billi dawk taħt suspett se jkunu jistgħu jaħarbu jew jimmanipulaw l-evidenza. Id-dewmien fl-inkjesti maġisterjali jista’ jwassal għal ġustizzja wara ż-żmien.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li kien hemm diversi inkjesti li wasslu għall-prosekuzzjoni fosthom dik dwar l-isptarijiet fejn insterqu l-miljuni, 17 Black, każi ta’ ħasil ta’ flus, każi ta’ offshore banks li juru korruzzjoni fl-ogħla livell tal-pajjiż u sentenza tal-qorti fejn hemm involut Neville Gafa dwar il-visas mediċini li l-Kummissarju ma nvestigax.
Il-perjodu ta’ sitt xhur jagħti żmien biex dawk li huma fil-poter jibdlu l-fatti, sostna Alex Borg, li kompla li l-maġistrati huma indipendenti waqt li l-Kummissarju tal-Pulizija jkun appuntat mill-Gvern.
Din il-liġi se teffettwa r-reputazzjoni ta’ Malta b’mod ħażin tant li entitajiet Ewropew diġà esprimew tħassib dwar l-istat tad-dritt f’Malta. Hemm ukoll il-biża’ li Malta terġa’ tiddaħħal fil-lista l-griża. Din il-liġi tista’ teffettwa wkoll il-fiduċja ta’ investituri barranin, sostna Aelx Borg, li kompla li jeħtieġ li l-pulizija u l-maġistrati jitħallew jaħdmu flimkien.
Hu qal li l-PN jemmen li r-responsabbiltà u l-ġustizzja għandhom ikomplu jkunu difiżi fejn kulħadd jinżamm responsabbli ta’ għemilu.
//= $special ?>