Ambjent Lokali

BirdLife Malta tingħaqad mal-komunità ta’ Ħal Luqa fi tħawwil simboliku ta’ siġar

BirdLife Malta tat b’donazzjoni tliet siġriet indiġeni lill-komunità ta’ Ħal Luqa. Iż-żewġ siġriet Alaternu u siġra oħra Deru, tħawwlu f’Misraħ iż-Żgħażagħ b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa u mal-iskola primarja ta’ Ħal Luqa, Kulleġġ San Injazju, nhar l-Erbgħa 26 ta’ Frar.

L-attività bdiet fl-iskola primarja ta’ Ħal Luqa li tipparteċipa bi ħġarha fil-programm edukattiv ta’ BirdLife Malta, Dinja Waħda. Hemmhekk, membri minn BirdLife Malta tkellmu ma’ studenti tar-raba’ sena tal-primarja dwar l-importanza tas-siġar kemm għan-natura kif ukoll għall-bnedmin.

Wara, l-istudenti mxew sa Misraħ iż-Żgħażagħ u flimkien mas-Sindku ta’ Ħal Luqa John Schembri ħawlu dawn it-tliet siġriet. L-istudenti wkoll ħadu pjaċir li pparteċipaw f’din l-attività u ħadu magħhom għarfien akbar tal-importanza li għandhom is-siġar inkluż dawk li jżewqu l-iskola tagħhom. Wara li ħawlu dawn it-tliet siġriet, l-istudenti rħewlha lejn l-iskola fejn ħawlu wkoll numru ta’ pjanti indiġeni fil-ġonna tal-iskola.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta, Mark Sultana, qal li “dan il-ġest simboliku iżda sinifikanti ħafna, jgħaqqad flimkien l-aspetti kollha tax-xogħol tagħna fil-komunità. F’Ottubru li għadda, resident f’Ħal Luqa talab l-għajnuna tagħna wara li siġra kienet qed tinqata’. Meta għamilna kuntatt mal-Kunsill Lokali, spjega li kienet miżura ta’ saħħa u sigurtà, peress li s-siġra kienet qed tikkostitwixxi periklu serju. Id Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien issejjaħ fuq il-post biex ineħħi s-siġra b’mod sigur. Minn hemm nibtet din l-idea. Huma impenjaw ruħhom mal-istudenti biex nissostitwixxu din is-siġra adulta bi tlieta oħra iżgħar, bit-tama li jikbru f’siġar maturi u b’saħħithom, li joffru benefiċċji kemm għall-bijodiversità urbana kif ukoll għar-residenti ta’ Ħal Luqa.”

Misraħ iż-Żgħażagħ huwa spazju miftuħ li jitgawda minn ħafna residenti Luqin u jinkludi fost oħrajn bandli għat-tfal u l-klabb tal-boċċi tal-lokalità. Din l-attività hija parti mill-missjoni ta’ BirdLife Malta li mhux biss tħares u tikkonserva l-għasafar u l-ambjent naturali tagħhom, imma wkoll tqarreb aktar lill-komunitajiet lejn in-natura.