Sid il-ħanut fejn kien jaħdem Kurt Grech, wieħed mill-akkużati mixli b’omiċidju qal fil-Qorti li kemm il-darba l-vittma Brandon Pace kien imur mas-sieħba tiegħu Jessica Bilocca ifittxu lil Kurt fil-ħanut. Qal li l-affarijiet ma kienux ikunu kalmi u li darba fost l-oħrajn kellu jaħbi lil Grech fil-ħanut tiegħu sabiex jipproteġih minn Pace u Bilocca.
Huwa kien qed jixhed hekk kif wara numru ta’ sigħat twal li l-ġuri kien sospiż minħabba li ħames ġurati spiċċaw ma jifilħux bdew jerġgħu jisimgħu l-każ fil-ġuri li daħal fid-disa’ jum tiegħu. Il-ġuri huwa dwar l-omiċidju ta’ Brandon Pace, li kien inqatel b’ħames daqqiet ta’ sikkina fit-2 ta’ April 2017, fi Triq Giovanni Barbara fil-Ħamrun. Bil-qtil jinsabu akkużati Joseph Grech ta’ 61 sena u ibnu Kurt ta’ 31 sena magħruf bħala “in-Nemes”.
Sid il-ħanut, xhud tad-difiża qal li kien konxju li Grech kellu wildt ma’ Jessica Bilocca u kienu għaddejjien minn xi nkwiet minħabba l-minuri. Qal li Bilocca spiss kienet tkun ma’ Bradon Pace, ifittxu lil Kurt Grech fil-ħanut tiegħu. Sostna, li darba fost l-oħrajn kellu jaħbi lil Grech fil-ħanut tiegħu stess sabiex jipproteġih minn Pace u Bilocca.
Wara li x-xhud niżel minn fuq il-pedana tax-xhieda taħt ġurament u eżentat mis-sigriet professjonali, l-Avukat Vincent Galea qal li Kurt, kien tkellem miegħu dwar inkwiet li kellu fuq ibnu għaliex kien qed ikun fil-preżenza ta’ Brandon Pace.
Ix-xhud ftakar li KurtGrech kien qallu wkoll, li għamel rapport mal-Aġenzija Appoġġ dwar omm ibnu minħabba li bdiet tiffrekwenta lill-Brandon Pace, li dak iż-żmien kien tressaq il-Qorti wara li allegatament ta’ daqqtejn ta’ sikkina lil kuġinuh f’Wied il-Għajn. Minbarra dan, Pace kien qed jaffaċja wkoll akkużi fil-Qorti dwar sewqan perikoluż fejn kaġun ta’ dan xi persuni ġew feruti gravi.
Id-difiża tkompli bil-każ wara li tabib ieħor qal li l-ġurati huma stabbli
Il-ġuri li jirrigwrdja omiċidju li seħħ kważi tmien snin ilu fil-Ħamrun kompla wara li t-tabib Edward Cherubino xehed il-Ħamis wara nofs inhar li l-ġurati jinsabu stabbli u f’qagħda li jistgħu jkomplu jisimgħu x-xhieda fil-ġuri.
Id-difiża, l-Ħamis filgħodu talbet lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera biex ixxolji l-ġuri dwar il-qtil tal-“Galalli” fejn qalet li “ma tħossx li l-ġurati jinsabu f’sikkithom” u dan wara li ħamsa minn disa’ ġurati spiċċaw ma jifilħux. Dan seħħ wara li tabib li invistahom qal li għandhom “chest infection.”
Il-prosekuzzjoni ma qablitx mad-difiża u qalet li temmen li għandu jsir eżami minn tabib ieħor sabiex tingħata ‘second opinion’ lill-Qorti dwar il-kundizzjoni medika tal-ġurati. Il-Qorti filgħodu semgħet lit-tabib Deo Debattista jgħid l-ħames ġurati ġew eżaminati mill-ġdid il-Ħamis filgħodu wara li dawn ħassewhom ma jifilħux l-Erbgħa f’nofsinhar.
Qal li jinsabu ħafna aħjar mill-Erbgħa. Mistoqsi dwar il-kundizzjoni medika u l-mediċini li qed jingħataw, qal li l-ġurati inkwistjoni għandhom ‘chest infection’ u qed jingħataw mediċina li ma tħeddilhomx u ma tnaqqsilhomx il-konċentrazzjoni.
Minkejja dan, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li qabel ma tieħu deċiżjoni, għas-serħan tal-moħħ, kienet se tordna li l-ġurati jiġu eżaminati minn tabib ieħor sabiex tingħata ‘second opinion’ dwar l-istat ta’ saħħa tagħhom. Fil-fatt hekk seħħ u ssejjaħ t-tabib Edward Cherubino, li qal li fiċ-ċirkostanzi l-ġurati inkwistjoni huma stabbli u ġie deċiż li l-każ ikompli.
Ġuri jkun kompost minn disa’ ġurati u tlieta supplenti (ta’ riżerva) u l-fatt li hemm ħamsa ma jifilħux ma jagħmilhiex possibbli li deċiżjoni tittieħed minn disa’ ġurati. Brandon Pace kien inqatel b’ħames daqqiet ta’ sikkina fit-2 ta’ April 2017, fi Triq Giovanni Barbara fil-Ħamrun. Bil-qtil jinsabu akkużati Joseph Grech ta’ 61 sena u ibnu Kurt ta’ 31 sena magħruf bħala “in-Nemes”.
Minbarra l-qtil qed jiġu akkużati wkoll bil-pussess ta’ skieken, theddid u ksur tal-paċi pubblika. Il-ġuri jinsab fl-istadju fejn qed jitressqu l-provi mid-difiża.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-akkużati qed jiddefenduhom l-Avukati Roberto Montalto, Edward Gatt u Kathleen Grima. L-Avukati Rachel Tua u Ishmael Psaila qed jidhru għall-familja tal-vittma.