Lokali Qorti

Ħames snin ħabs wara li fera raġel f’argument fuq parkeġġ

Libjan ta’ 41 sena ġie kkundannat ħames snin ħabs mill-Maġistrat Nadine Sant wara li nstab ħati li weġġa’ gravi raġel u li weġġa’ ħafif lil bintu. Dan wara argument fuq sempliċi parkeġġ. Il-vittmi huma ġirien ta’ Ayman Mahmoud Rhuma. Huwa nstab ħati li ċarrat xoftejn il-vitma b’gidma u li ħareġ jhedded lil bintu bi ‘spanner’.

L-inċident seħħ fid-9 ta’ April, 2022. Huwa nstab ħati li aggredixxa lil missier u lil bintu. Il-vittma qal li fil-jum tal-inċident kien niżel jgħin lil bintu ttella’ x-xirja d-dar. Sostna li hi pparkjat għal ftit ħin quddiem garaxx ta’ persuna oħra.

Xehed li f’ħin minnhom wasal l-imputat li kien aggressiv fejn ippretenda li tersaqlu u ma terġax tipparkja fil-post. Hu qal lil bintu biex tressaqlu biex jiġi evitat l-inkwiet. Huwa ċempel lil sid il-garaxx biex jara kienx biegħu, iżda ma kienx u għalhekk mar ikellem lill-imputat.

Minn sempliċi diskussjoni dawn spiċċaw joffendu lil xulxin. Wara bintu marret tixħet il-karozza xi mkien ieħor u meta waslet fejn id-dar, l-imputat attakkaha u waqqagħha ma’ l-art. Missierha qal li pprova jipproteġi lil bintu waqt li l-Libjan beda joffendih u jimbuttah.

Il-missier xehed li l-imputat ġab ‘shifting spanner’ mill-karozza u mar għal bintu bih. Meta ra hekk, il-missier reġa’ mar biex jipproteġiha u waqt li l-imputat laqat lit-tifla ħafif f’idha, hu spiċċa qala’ daqqa bl-ispanner taħt għajnejh.

Barra minn hekk qal ix-xhud, l-aggressur gidimlu xofftu li spiċċa mċarrat. Wara dan l-inċident, il-Libjan ħarab minn fuq il-post. Fil-Qorti, xehdet waħda mill-ġirien u qalet li semgħet lil mart l-akkużat tgħid li dak li ġara kien tort ta’ żewġha.

Madankollu, fix-xhieda tagħha, mart l-akkużat, qalet li t-tifla waqgħet waħedha u li l-ġar kien ħa ċ-ċwievet ta’ żewġha. Qalet li l-ġar u bintu bdew jgħajtu ma’ żewġha u r-raġel ta daqqa ta’ ponn lil żewġha. L-imputat qal li kien ir-raġel li mar jgħajjat, joffendih u refa’ idu fuqu.

Tenna li hu aġixxa biex jipproteġi lilu nnifsu u li mhux vera gidmu, imma jista’ jagħti l-każ li laqtu b’rasu f’ħalqu waqt li bdew jitqabbdu f’xulxin. Waqt li ammetta li kellu l-ispanner fil-karozza, ċaħad li użah waqt l-argument.

Meta ġiet għas-sentenza tagħha, il-Qorti tat piż lix-xhieda tal-ġirien u lil filmat li wera biċċa mill-argument. Il-Maġistrat Nadine Sant Lia sabitu ħati li ħebb bi spanner għal raġel u weġġgħu gravi, weġġa’ ħafif lit-tifla, heddidhom u kiser il-paċi pubblika.

Mal-piena tal-ħabs, ir-raġel ġie mmultat €500 u ordnat iħallas €875 fi spejjeż tal-Qorti. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi għal tliet snin.

Għall-vittmi dehru l-avukati Beppe Darmanin u Antonio Depasquale.