Internazzjonali

Id-Dinja ta’ Hollywood fi stat ta’ xokk dwar il-mewta misterjuża tal-attur Gene Hackman u martu

L-aħbar dwar is-sejba, sigħat ilu, tal-katavri tal-attur veteran Gene Hackman u ta’ martu ħasdet bil-kbir dilettanti tal-films fl-Istati Uniti u madwar id-dinja….Dan ix-xokk  kbir għall-industrija taċ-ċinema kellu anki jseħħ ftit jiem biss qabel is-Serata għall-Premjazzjoni tal-Academy Awards (Oscars) li jingħataw kull sena lill-protagonisti li jiddistinwu ruħhom l-aktar f’dan il-qasam.

L-attur –fost l-aktar ismijiet famużi fid-Dinja ta’ Hollywood – instab mejjet fid-dar tiegħu f’Sante Fe, fl-Istat Amerikan ta’ New Mexico u meta miegħu nstabet mejta l-mara tiegħu, Betsy Arakawa…Ftit ‘il bogħod mill-katavri nstab mejjet anki l-kelb ta’ din il-koppja,  bl-awtoritajiet qed jippruvaw isolvu l-każ makabru u misterjuż.

Il-kelliema għall-Uffiċċju tal-County Sheriff, f’Santa Fe – filwaqt li kkonfermaw is-sejba – qalu li kienet għaddejja investigazzjoni attiva fis-sit tar-residenza fiz-zona ta’ Sunset Trail.

Is-sejba seħħet wara li dan l-Uffiċċju wieġeb għal talba biex imur xi ħadd u jara jekk l-affarijiet ‘kinux kif suppost’ fir-residenza ta’ Hackman u bħala parti minn proċess magħruf bħala welfare check.

U filwaqt li l-awtoritjaiet ma jistgħu jeskludu xejn, għalisssa, is-sorsi viċin l-investigazzjoni qalu li ma kenux qed jissuspettaw f’każ ta’ omiċidju bħala fattur potenzjali.

Sa ftit ilu, kien għadu ma ħariġx il-mandat għat-tfittxija fir-residenza tal-attur, bil-pulizija tipprova taċċerta lill-membri ta’ dik il-komunità li ma kien hemm l-ebda element ta’ periklu fl-inħawi.

Gene Hackman, li kellu 95 sena, kien fil-kategorija ta’ atturi veterani rispettati magħrufin bħala ‘Hollywood Royalty’, flimkien ma’ Robert De Niro, Dustin Hoffman u Al Pacino. Hu kien il-protagonista f’numru impressjonanti ta’ films u fejn  rebaħ żewġ Oscars għall-films The French Connection u Unforgiven.

Minbarra l-Oscars, Hackman kien anki rikonoxxut b’ żewġ Bafta Awards, erba’ Golden Globes u Screen Actors Guild Award.

Films oħrajn fejn Hackman iddistingwa ruħu bħala attur ta’ talent rari jinkludu The Confession, Bonnie and Clyde, The Royal Tenenbaums, Crimson Tide, Scarecrow, Night Moves, Mississippi Burning u The Firm.

L-aħħar karattru interpretat minn Gene Hackman kien ta’ Monroe Cole fil-film tal-2004 Welcome to Mooseport – u qabel hu deċieda biex jirtira minn Hollywood ‘għal ħajja aktar kwieta’ fi New Mexico.

Betsy Arakawa,  mara ta’ 63 sena imwielda l-Hawaii, kienet pjanista magħrufa tal-mużika klassika u kienet ilha miżżewġa lill-attur mill-1991.