Il-Qorti tal-Maġistrati ddeċidiet li hemm biżżejjed provi biex l-akkużati jgħaddu ġuri b’rabta mal-inkjesta maġisterjali 17 Black. Il-Ħamis waranofsinhar reġgħu bdew il-proċeduri kriminali kontra l-Eks Ministru Konrad Mizzi, l-Eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, id-diretturi tal-Electrogas Yorgen Fenech u Paul Apap Bologna, l-accountants Brian Tonna u Karl Cini, u Mario Pullicino, l-aġent lokali tat-tanker tal-ħażna tal-gass li qed iħaddem il-power station ibbażata f’Delimara.
Sadanittant, il-proċeduri kontra l-kumpaniji tagħhom ukoll reġgħu bdew paralleli mal-persuni akkużati. Il-kumpaniji huma: Nexia BT (Tonna u Cini), BTI Management Limited (Tonna) New Energy Supply Ltd (Yorgen Fenech), OEGP (Pullicino), Wings Developments u Wings Investments (Yorgen Fenech) u Kittiwake (Apap Bologna) EN 3 (Pullicino).
Kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. Fil-bidu tas-seduta tal-Ħamis, l-avukat Mark Vassallo f’isem Schembri u Mizzi, qal li se jħallu f’idejn il-Qorti, meta mistoqsi jekk hux se jikkontestaw il-prima facie.
L-avukati Giannella de Marco u Kathleen Calleja Grima, li qed jassistu lil Apap Bologna, qalu li riedu jiddettaw nota. Filwaqt li l-avukat Stephen Tonna Lowell qal ukoll li se jħalliha f’idejn il-Qorti. L-Avukat Charles Mercieca qal li l-pożizzjoni ta’ Yorgen Fenech m’għandhiex tittieħed bħala kunsens.
Il-Qorti ddettat nota li filwaqt li d-difiża mhux se tagħmel sottomissjonijiet fuq prima facie, dan m’għandux jittieħed bħallikieku huma jaqblu li kien hemm biżżejjed raġunijiet biex il-klijenti tagħhom jgħaddu ġuri.
Il-prosekuzzjoni qalet li se tagħmel kif tgħid il-Qorti. Is-seduta ġiet sospiża għal ftit tal-ħin. Wara xi 20 minuta, il-Maġistrat Rachel Montebello reġgħet daħlet fl-awla u qrat id-deċiżjoni, u qalet li mal-ewwel daqqa t’għajn l-akkużati kellhom każ xi jwieġbu peress li kien hemm il-possibbiltà li jinstabu ħatja ta’ akkuża waħda jew aktar.
Is-seduta ġiet aġġornata għad-9 ta’ April fl-10am. Il-prosekuzzjoni qalet li ma kienx hemm bżonn li jiġi allokat ħafna ħin peress li l-evidenza kienet inġabret fl-inkjesta maġisterjali fejn xehdu ‘l fuq minn 150 xhud.
L-Avukati Giannella de Marco u Kathleen Calleja Grima assistew lil Paul Apap Bologna u Kittiwake. L-Avukat Stephen Tonna Lowell assista lil Brian Tonna, Karl Cini u Mario Pullicino kif ukoll lill-kumpaniji tagħhom. L-avukati Edward Gatt, Shaun Zammit u Mark Vassallo assistew lil Konrad Mizzi u Keith Schembri. L-avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca assistew lil Yorgen Fenech u lill-kumpaniji tiegħu.