Il-Ministru Chris Bonett għandu jgħid il-verità meta jkun mistieden fuq ir-radju biex jitkellem dwar id-dekasteru tiegħu.
Il-Ministru għoġbu jmur fuq ir-radju u jgħid li l-Kunsill Lokali kollu tal-Imsida, għajr għal persuna waħda, issa qed jaqbel mal-flyover.
Il-Ministru Bonett jaf sew li din hi gidba, u jaf li hemm vot uffiċjali tal-Kunsill Lokali li juri dan. Il-Ministru jaf li minkejja l-kordjalità li dejjem intweriet fil-laqgħat mas-Sindku, Charles Selvaggi dejjem għamilha ċara – anke sa minn meta kien Minority Leader – li għalkemm il-proġett kien tajjeb, il-flyover ma kellhiex għalfejn issir. Dan ikkonfermah kull darba li ltaqa’ mal-Ministru minn kemm ilu li laħaq Sindku f’Lulju li għadda.
Il-Kunsill kien, għadu u se jibqa’ jikkopera mal-awtoritajiet għax iġib l-ewwel u qabel kollox l-interessi tal-Misidjani.
Fi stqarrija mis-Sindku tal-Imsida Charles Selvaggi, il-Viċi Sindku tal-Imsida Christine Amaira, il-Kunsilliera Lokali tal-PN fl-Imsida Maurice Agius, Alfred Farrugia u Chris Borg, kif ukoll mix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà Mark Anthony Sammut, tfisser li hija ħasra, imma, li żgur li ma jistax jingħad l-istess dwar il-Gvernn u dan hekk kif l-aġenzija tiegħu responsabbli mill-flyover tal-Imsida qed tgħaddi romblu minn fuq il-Kunsill u minn fuq il-Misidjani meta:
- Qed taħdem kif ifettlilha u mingħajr ma żammet ma’ ebda timeframes jew works schedule li kienet tat fil-bidu
- Qerdet proprjetà bħad-dawl tal-pjazza li kien ilu hemm biss ftit snin u li mill-fondi limitati ferm li għandu, il-Kunsill ħallas l-eluf ta’ ewro għaliha. Dawn żgur setgħu jiġu użati f’xi post ieħor li kieku x-xogħol sar bil-galbu jew li kieku l-Kunsill kien infurmat biex jaqlagħhom
- Il-liaising officer tal-Kunsill qed isib bibien magħluqa meta jitlob informazzjoni dwar il-proġett. U meta jingħata informazzjoni din tinbidel mil-lum għal għada
- Minħabba nuqqas ta’ ħsieb u ppjanar, ir-residenti spiċċaw ma jistgħu jipparkjaw imkien, u għax naqsilhom drastikament il-parkeġġ spiċċaw qed jaqilgħu multi bl-addoċċ. Dan għaliex il-Gvern ma ħasibx għar-residenti u l-uniku spazju li ħalla biex jipparkjaw kien fl-ispazju fejn suppost li snin ilu bena dar għall-anzjani Misidjani
- Hemm nuqqas kbir ta’ ħsieb u ta’ sigurtà fil-mod kif qed jitħallew ċertu zoni fejn qed isir ix-xogħol b’xi nies li diġà spiċċaw weġġgħu. Eżempju ta’ dan huma l-passaġġi li meta tagħmel ix-xita jew jippompjaw l-ilma, in-nies ma jkollhomx minn fejn jgħaddu; dawl maqtugħ għal ġimgħat sħaħ fil-passaġġi fejn jgħaddu n-nies; passaġġi mhux livellati u mingħajr ħsieb għal min għandu diffikultà ta’ mobbiltà.
Il-Misidjani ilhom jissaportu ħafna. Iċ-ċentru tal-Imsida qisu zona tal-gwerra. Il-Kunsill qed jikkopera. Imma dan ma jfissirx la li l-Misidjani kuntenti u lanqas li l-proġett qed isir bit-time frames li kienu msemmija fil-bidu minn Infrastructure Malta.
Fissru woll li jekk il-Ministru qed jaħseb li l-Misidjani huma kuntenti bil-proġett tal-flyover, qed jikkonferma kemm hu maqtugħ mir-realtajiet tar-residenti u kemm mhux qed jitkellem mal-Misidjani.
Il-Kunsill kien, għadu u se jibqa’ kontra l-flyover fiċ-ċentru tal-Imsida.
Jidher li d-devjazzjonijiet tat-traffiku li saru s’issa taffew il-problema f’din iz-zona. Din hi konferma ta’ kemm il-flyover m’hemmx bżonnha u li kien ikun ferm aktar għaqli li kieku l-Gvern ħaseb l-ewwel biex itaffi l-problema li hemm fuq in-naħa tal-iskatepark. Zona li l-Gvern stess ammetta mal-Kunsill li se tibqa’ tkun problematika anke bil-flyover, tant li kif jispiċċaw ix-xogħlijiet tal-flyover se jkollhom jibdew xogħlijiet oħra fuq din iz-zona.
Imma l-Gvern webbes rasu li jrid jagħmel flyover fl-Imsida u ħadd ma kien se jżommu. Tant li rrifjuta li jikkunsidra alternattivi oħra, u dan abbażi ta’ rapport li hu baqa’ qatt ma ppubblika u li żamm mistur minn kulħadd.
Il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista fl-Imsida huma ħamsa. U kull wieħed u waħda minnhom huwa kontra l-flyover. Il-Ministru ma kellu qatt jattakka lil kunsilliera waħda għall-iskopijiet partiġjani tiegħu meta jaf li fil-laqgħat miegħu ħareġ ċar daqs il-kristall li l-kunsillieri kollha tal-PN huma kontra l-bini tal-flyover.
Il-Gvern ħoloq il-problemi li għandna llum, u bil-flyover mhu se jsolvi xejn.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen f’soluzzjonijiet aħjar. Jemmen li dan il-pajjiż ma jistax jibqa’ jiddependi fuq il-karozza privata biex tasal minn punt għal ieħor. Jemmen li bi pjan serju u innovattiv, u b’investiment sħiħ fl-infrastruttura ta’ pajjiżna, jistgħu jissolvew il-problemi li ħoloq il-Gvern stess.
//= $special ?>