Lokali Qorti

Jitressaq żagħżugħ mixli li kien fil-pussess ta’ 5kg droga li kienet parti mill-kannabis misruqa mill-barracks ta’ Ħal Safi

Il-ħames raġel ġie mixli b’reati b’rabta mas-serq ta’ aktar minn 200 kilo cannabis misruqa mill-barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Safi. Irriżulta li Liam Steward, ta’ 23 sena minn Tal-Pietà, ipprova jaħrab meta t-Tnejn kien arrestat fil-Ħamrun fis-1pm iżda ħabat ma’ vann, qalu l-prosekuturi fil-Qorti.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-ammont tad-droga li nstabet għandu kienet tammonta għal madwar ħames kilos u ma’ dan instabu wkoll ammont ta’ flus kontanti li jabqeż it-€8,000. Minbarra cannabis, instabet ukoll fuq l-akkużat id-droga kokaina.

Huwa tressaq quddiem il-maġistrat Elaine Rizzo biex jiffaċċja akkużi ta’ traffikar ta’ droga wara s-serqa li saret fis-sigħat bikrin tal-Ħadd, fil-kwartieri tal-Forzi Armati ta’ Ħal Safi. Il-prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija sabuh fil-pussess ta’ droga cannabis u droga suspettata kokaina. Fir-residenza tiegħu sabu aktar droga, biċċiet tal-cannabis, kokaina, u ħames blokki ta’ raża tal-kannabis.

L-Ispettur Mangion qal lill-Qorti li l-akkuża tiegħu kienet b’rabta mas-serqa. Huwa jinsab akkużat bi traffikar ta’ droga, kokaina u pussess tal-cannabis f’ċirkustanzi li juru li ma kienx għall-użu personali tiegħu.

Meta l-Pulizija arrestat lil Steward fil-Ħamrun, fil-but tal-qalziet kellu żewġ boroż droga cannabis, u fil-karozza kellu tliet iqratas kokaina. L-ispettur kompla jgħid li Stewart prova jaħrab minn fuq il-post u kaġun t’hekk ikkawża diversi ħsarat fuq vann li kien biswiet il-karozza tiegħu.

Mistoqsi mid-difiża dwar il-pakkeġġ li kellha d-droga, l-ispettur Mangion qal li d-droga kienet irrumblata f’tape kannella. Qal li kemm ilu fl-iskwadra ta’ kontra d-droga, dan it-tip ta’ siġil rah darba biss, qabel dakinhar li l-Pulizija arrestat lil Stewart.

Sostna li l-pakkeġġ ta’ droga li nstabet fil-pussess ta’ Stewart hija bħal dik li ġiet elevata mill-kontejner li nsteraq mill-kwartieri tal-Forzi Armati. Id-difiża għamlet talba għall-pleġġ, iżda l-prosekuzzjoni opponiet bil-qawwa kollha minħabba li l-investigazzjonjiet f’dan l-istadju għadhom sejrin, kif ukoll minħabba n-numru ta’ xhieda pajżana li għad iridu jixhdu fil-konfront tal-imputat.

Id-difiża qalet li meta l-Pulizija qalet li d-droga kienet irrumblata f’tape kanella, m’għandhiex titqies daqstant unika. Argumentat ukoll li l-akkużat għadu preżunt innoċenti u għandu fedina penali netta. Iddikjarat li l-Pulizija ma ressqet l-ebda prova li d-droga ġiet imwieżna jew analizzata.

Il-prosekuzzjoni qalet li b’dak li qed tgħid id-difiża qed tqajjem dubju fuq ix-xogħol li wettqet il-Pulizija. Tenniet ukoll li l-proceduri jinsabu fl-istadju ta’ preżentata, fl-istqarrija l-akkużat ammetta li d-droga kienet tiegħu kif ukoll li infurmaw lill-Qorti li d-droga ntbagħtet biex tigi analizzata. Il-Qort ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat.

Sadanittant tard nhar l-Erbgħa, erba’ rġiel oħra wieġbu mhux ħatja ta’ akkużi kriminali. Sean Attard ta’ 30 sena minn Ħaż-Żebbuġ, Carlos Pace ta’ 23 sena mill-Marsa, Yousef Essesi ta’ 33 sena minn San Pawl il-Baħar u Cleaven Pace ta’ 19-il sena, kollha jinsabu akkużati li wettqu s-serqa.

Qabel dik il-kawża, il-ġurnalisti li kienu qed ikopru l-każ kienu mhedda minn nies li huma maħsuba li huma qraba tal-akkużati. Madwar 12-il persuna ġew arrestati b’rabta mas-serq tas-Sibt filgħaxija. Mill-inqas wieħed huwa trasportatur li kien involut fit-trasport tal-kontejner mill-Port Ħieles ta’ Malta għall-kwartieri tal-AFM, qalu l-prosekuturi l-Erbgħa.

Il-Pulizija sabet 35 kilo raża tal-cannabis ġewwa l-karozza f’Ħ’Attard, 33 kilo tad-droga wara li arrestat lil Carlos Pace u 10 kilos oħra wara li arrestat lil Essesi. Fuq Cleaven Pace ma nstabet l-ebda droga, li madankollu ammetta mal-interrogaturi li kien fl-inħawi fil-ħin tas-serq.

Oħrajn interrogati rrifjutaw li jwieġbu mistoqsijiet. L-investigaturi segwew lis-suspettati billi intraċċaw ir-rotta meħuda minn vettura li jemmnu li ntużat għas-serq tas-Sibt filgħaxija. Dik il-vettura għamlet triqitha minn Ħal Kirkop għal Ħal Safi, imbagħad l-Imqabba u fl-aħħar proprjetà f’Ħaż-Żebbuġ, semgħet il-Qorti.

Il-Pulizija għamlet rejd fil-proprjetà ta’ Ħaż-Żebbuġ fis-1am ta’ nhar it-Tnejn filgħaxija, fejn arrestaw erba’ persuni.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Alfredo Mangion u Jeffrey Scicluna Briffa flimkien mal-Avukat Francesca Spiteri f’isem l-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat deher l-Avukat Franco Debono u Adreana Zammit.

Liam Stewart huwa eks player tal-youths tal-Marsa u sentejn ilu kien irċieva sospensjoni ta’ sitt partiti wara li flimkien ma’ player ieħor kien instab ħati ta’ aġir vjolenti kontra plejers u uffiċjali tal-logħba waqt il-partita kontra Tarxien Rainbow. Stewart kien tkeċċa fil-partita mir-referee talli ta bis-sieq fuq avversarju f’inċident mingħjr ballun u wara kompla jimbotta lir-referee.