Lokali

In-nefqa tal-konsumaturi tonqos għal madwar €22, tonqos ukoll ir-rieda għall-investiment fir-ristoranti

In-nefqa inġenerali fit-tieni parti tas-sena 2024, dik bejn Lulju u Diċembru, kienet inqas minn dik tal-bidu tas-sena fir-ristoranti u l-istabbilimenti.  Dan minkejja li dan il-perjodu tas-sajf u tal-Milied jattira ħafna aktar turisti u negozju lokali.

Dan kollu rriżulta minn stħarrig li għamlet l-Assoċċjazzjoni tal-Istabbilimenti u l-Catering f’Malta fost 250 persuna li għandhom total ta’ 370 stabbiliment. Fejn fost l-oħrajn ġie stabbilit li kull persuna bħala medja tonfoq biss €22.47.

Stħarriġ li sar minn Vincent Marmara, wera li l-persentaġġ ta’ dawk li jonfqu €29 jew inqas żdied filwaqt li dawk li jonfqu bejn €30-€74 naqas sew.

51.1% tas-sidien li rrispondew dan is-sondaġġ qalu li qed  jaħsbu li fil-perjodu li jmiss, bejn Jannar u Ġunju 2025, il-bejgħ se jonqos. U ħadd minn dawk li wieġbu mhu qed ibassar li l-bejgħ se jiżdied b’iktar minn 16%.

Fost dawk li l-akar li qed jaħsbu li l-bejgħ se jonqos fix-xhur li ġejjin, hemm l-istabilimenti tat-take away, il-kiosks u l-food trucks.

Interesanti wkoll il-fatt li 64.4% tal-konsumaturi kienu lokali filwaqt li 35.6% kienu tursiti – dan minkejja li dan kien il-perjodu li l-iktar jattira tursiti lejn Malta.

Dan l-istħarriġ sab ukoll li l-ikbar sfidi għar-ristoranti kien l-impatt tal-iskills pass, l-iskema tar-riċiklaġġ tal-BCRS u l-kollezzjoni tal-iskart inġenerali.

Waqt din il-konferenza, fejn kien hemm preżenti wkoll d-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco, għal darb’ora ġie mtenni li l-ikbar prijorità tal-ACE tibqa’ li l-VAT fuq l-ikel tonqos minn 18% għal 7%.

Matul dan il-perjodu wkoll, bħala medja, tkejjel tnaqqis ta’ 1.2% fil-profiti. Filwaqt li meta mistoqsija dwar jekk investewx… 83% qalu li le.

L-istħarriġ wera wkoll nuqqas ta’ rieda biex isir investiment fir-ristoranti tagħhom stess fejn 68.2% qalu  li mhux lesti jinvestu fit-12-il xahar li jmiss.

Intant, ftit inqas minn 70% tal-pagamenti mill-konsumaturi tħallsu bil-card u ftit iktar minn 30% ħallsu b’cash.