Raġel ta’ 46 sena ammetta quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo, li ta n-nar żewġ bibien taċ-Ċimiterju Militari Tork fejn ikkawża madwar €5,000 f’danni. Ümit Kartal, ċittadin Tork residenti Malta, ġie mixli bi ħruq u li ostakola servizzi reliġjużi. Huwa kien akkużat ukoll li wettaq u daħal f’residenza mingħajr permess u li għamel theddid lill-ambaxxata Torka.
Il-prosekuzzjoni spjegat li l-Iskwadra ta’ Kontra t-Terroriżmu ssejħet biex tassisti lill-Pulizija tat-Tieni Distrett wara li nħarqu żewġ bibien taċ-Ċimiterju Militari Tork fil-Marsa. Minn filmati tas-CCTV u informazzjoni mogħtija mill-ambaxxata Torka, il-Pulizija arrestat lis-suspettat.
Ir-raġel għamel theddid kontra l-ambaxxata Torka, u sostna li n-nazzjon Tork naqas milli jħares biżżejjed il-valuri reliġjużi tiegħu u ma kienx qed jitlob biżżejjed. Huwa qal li kien ta n-nar lill-bibien b’sinjal ta’ protesta.
Kemm il-prosekuzzjoni kif ukoll id-difiża qablu li r-raġel għandu jiġi kkundannat tliet snin ħabs u mmultat €5,000. Il-Qorti qalet li se tagħti s-sentenza tagħha fi stadju aktar tard.
Il-każ ġie pospost għall-Erbgħa 5 ta’ Marzu fid-9am.
F’dan l-istadju ma ntalbitx il-libertà proviżorja.
L-avukat tal-AĠ Joseph Camilleri Azarov flimkien mal-Ispetturi Zachary Zammit u Elisia Scicluna u l-Uffiċjal Kap fis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali Jonathan Borg mexxew il-prosekuzzjoni. Għall-akkużat deher l-avukat tal-għajnuna legali Thomas Barbara Sant.
//= $special ?>