Lokali

L-aħħar preparamenti għall-Karnival ta’ Malta

Jinsabu fl-aqwa tagħhom il-preparamenti għal tmiem din il-ġimgħa, hekk kif pajjiżna jiċċelebra l-Karnival; avveniment li jkun mistenni minn bosta.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech żar diversi mħażen tal-karrijiet tal-Karnival akkumpanjat mix-Shadow Ministers Graziella Galea, Julie Zahra kif ukoll Charles Azzopardi.

Bernard Grech tkellem mad-dilettanti preżenti li spjegaw kif dan huwa delizzju għal qalbhom u li x-xogħol ikun ilu għaddej matul is-sena kollha – b’ideat mill-aktar uniċi.

F’kummenti ma’ Net News, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Karnival jibqa’ appuntament importanti speċjalment fejn tidħol il-kultura u l-arti f’pajjiżna. Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jimbotta politika li tgħin lil dawn l-artisti b’modi differenti fost l-oħrajn li jkollhom l-ispazju meħtieġ fejn ikunu jistgħu jaħdmu matul is-sena.

Net News tkellem ukoll ma’ diversi dilettanti li spjegawlna kemm dan mhux sempliċiment delizzju iżda jikkonsisti f’ħafna xogħol, dedikazzjoni u ħin ‘il bogħod mill-qraba tagħhom matul is-sena kollha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-Karnival huwa importanti wkoll għall-pakkett turistiku ta’ pajjiżna u għalhekk il-Karnival se jibqa’ prijorità għall-Partit Nazzjonalista.

Fl-imħażen spikkaw il-karrijiet mill-isbaħ, b’kuluri li jpaxxu l-għajn – u xogħol mirqum li juri t-talenti kbar li hawn f’pajjiżna.

U issa, dawn il-karrijiet se jkunu qed jitgawdew fit-toroq tal-Belt u l-Furjana bejn il-Ġimgħa u t-Tlieta… meta jiġi fi tmiemu l-Karnival bil-Grand Defile.

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo