Raġel ta’ 42 sena residentil-Fgura kien illiberat minn akkużi ta’ fastidju fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu, wara li Maġistrat Abigail Critien qalet li ma kienx hemm provi biżżejjed biex jinstabu ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.
Wara li qieset il-provi kollha, il-Qorti ddeċidiet li ma kienx hemm biżżejjed evidenza ċirkostanzjali biex jintlaħaq il-limitu lil hinn minn dubju raġonevoli meħtieġ għal kundanna. Il-Qorti qalet li kull dubju dwar il-ħtija tal-akkużat, irid imur favur l-akkużat.
L-imputat kien ġie mixli b’diversi reati li seħħew bejn l-20 ta’ Lulju u l-24 ta’ Lulju tas-sena l-oħra. L-akkużi miġjuba kontrih kienu jinkludu fastidju lill-eks sieħeb tiegħu għal aktar minn darba, l-użu ta’ komunikazzjoni elettronika li biha hedded li jagħmel reat, li kiser ordni ta’ trażżin u li wettaq reat waqt li kien taħt ordni ta’ probation.
L-imputat għandu tifel ta’ erba’ snin mal-eks sieħba tiegħu u qabel l-inċident, il-koppja kienet f’relazzjoni għal tmien snin. Il-mara kienet ressqet rapport mal-Pulizija fil-konfront tal-eks sieħeb tagħha għaliex anke wara li ħarġet ordni ta’ trażżin mill-Qorti, huwa baqa’ jċemplilha u allegatament ifastidjaha.
Il-mara qalet ukoll li ressqet diversi rapporti kontra l-akkużat u dan kien konfermat mill-Ispettur Audrey Micallef. L-akkużat qal li martu ma ħallitux jitkellem magħha akkost ta’ kollox, anke dwar binhom. Madankollu, wara kontroeżami, l-allegata vittma kkonfermat li kellha ftehim mal-akkużat, li jagħtih id-drittijiet u permess biex ikollu aċċess għal ibnu.
Hija spjegat ukoll kif l-imputat jgħajjajrha b’ħafna titli u jheddidha billi jsemmi bomba, isegwiha u jsemmielha l-ħbieb tagħha maskili fuq Facebook, li b’xi mod kienu juru kull tip ta’ interess fiha. Il-Qorti semgħet minn diversi xhieda li mal-arrest tiegħu, l-akkużat kien kontinwament jitkellem ħażin, jargumenta u jipprova jħabbat rasu mat-tieqa tal-karozza tal-Pulizija.
Il-Qorti semgħet ukoll li l-akkużat ta daqqa ta’ ponn fil-bieb tal-awla malli sema’ li ma kienx se jinħeles. Meta ġiet kontroeżaminata mill-avukat difensur Mark Busuttil, li deher għall-akkużat, l-Ispettur Audrey Micallef ikkonfermat li kienet konxja li l-akkużat kien mar l-għassa biex jagħmel kuntatt mal-eks sieħba tiegħu sabiex iħallasha l-manteniment kif ukoll biex jara lil ibnu.
L-ispettur qalet li l-akkużat ma kellux bżonn jikkuntattjaha bl-użu tal-mowbajl tiegħu iżda minflok dan kellu jsir permezz tal-Pulizija. Madankollu, hija ma setgħetx tikkonferma jekk dan il-kliem intqalx lill-akkużat u saħqet li ma kinitx ir-responsabbiltà tal-Pulizija li tindirizza kwistjonijiet li jikkonċernaw il-manteniment. L-ispettur qalet li l-uniku focus tagħha kien il-kwistjoni kriminali li kellha f’idejha.
L-Ispettur Micallef qalet ukoll li meta sejħet lill-akkużat fl-uffiċċju tagħha, ikkopera bis-sħiħ mal-ordnijiet. Meta xehed, l-akkużat spjega kif fl-20 ta’ Lulju mar l-għassa u ngħata d-dokumenti relatati mad-dritt tiegħu li jkollu aċċess għal ibnu.
Staqsa lill-Ispettur li kien xogħol x’kellu jagħmel wara peress li kien imissu li jkun ma’ ibnu. Dakinhar, l-akkużat ipprova wkoll iċempel lill-attur biex juri lill-ispettur li ma setax jikkuntattjaha. Il-Qorti semgħet ukoll li żewġ uffiċjali tal-Pulizija separati ppruvaw iċemplu lill-mara, iżda malli qabdet it-telefon, hija kienet qed tirrifjuta li tagħti lill-akkużat id-dritt li jara lil ibnu.
Meta mistoqsi dwar li qabel kien għamel xena meta tressaq il-Qorti, l-akkużat wieġeb li kellu uġigħ qawwi f’sidru, li kien ilu jsofri għal dawn l-aħħar ħames snin. Mal-arrest tiegħu, l-akkużat kien ilmenta minn uġigħ u kellu jittieħed l-isptar.
L-imputat qal ukoll li l-manetti kienu qed jikkawżawlu wġigħ f’idejh. Xehed li kien talab lill-Pulizija biex jimmanettjah fuq quddiem wara li spjegalu li kellu ġrieħi f’idejh, dahru u għonqu iżda l-ispettur injorah. Fix-xhieda tiegħu, l-imputat afferma li kien interessat biss li jara lil ibnu u jħallas il-manteniment li kien dovut u stqarr li kieku verament ried jagħti fastidju lill-eks tiegħu, kien imur id-dar tagħha.
Wara li semgħet l-evidenza kollha, il-Qorti ħelset lir-raġel minn kull akkuża.
L-avukat difensur Mark Busuttil irrappreżenta lill-akkużat. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef.
Isem l-akkużat mhux qed jissemma’ biex tiġi protetta l-familja.
//= $special ?>