minn Angelo Micallef
Mingħajr ebda ombra ta’ dubju l-Ġermanja tista’ biss titqies bħala wieħed mill-aktar pajjiżi influwenti fl-Unjoni Ewropea.
Hija mhux biss l-akbar mutur ekonomiku fi ħdan l-Unjoni Ewropea, imma hija wkoll influwenti politikament. Tħobb il-Ġermanja jew le huwa impossibbli tiċħad li dak li jiġri f’Berlin jaffettwa lill-kontinent sħiħ. Kien għalhekk bir-raġun li kien hemm stennija għar-riżultat tal-elezzjoni federali Ġermaniża, anke jekk is-sondaġġi kienu ilhom juru xejra ċara ħafna.
Telfa kbira Soċjalista
Il-kanċillier attwali Olaf Scholz li jmexxi lis-Soċjalisti, kiseb wieħed mill-agħar riżultati fl-istorja tal-partit tiegħu meta kiseb biss 16.41% tal-voti biex b’hekk is-Soċjalisti sabu ruħhom fit-tielet post fil-Bundestag, il-Parlament Ġermaniż b’120 siġġu.
Ir-riżultat kien messaġġ ċar kristall ta’ diżapprovazzjoni lejn it-tmexxija ta’ Scholz. Tmexxija li naqqret mhux bi ftit l-importanza tal-Ġermanja fix-xena globali bi gvern spiss indeċiż. Tmexxija li kissret ir-ritmu ekonomiku tal-Ġermanja u li rat dan il-mutur ekonomiku jissielet biex iżomm il-pass.
Rebħa kbira għad-Demokristjani
Ugwalment bħalma kienet telfa kbira għas-Soċjalisti kienet rebħa kbira għad-Demokristjani tas-CDU/CSU taħt it-tmexxija ta’ Friedrich Merz. Għal Merz dan huwa ritorn politiku spettakolari. Jinstab litteralment fuq l-għatba li jsir il-kanċillier il-ġdid tal-Ġermanja wara li ftit tas-snin ilu kien safa mwarrab minn Angela Merkel li kienet tara lil Merz bħala wisq lemini.
Ix-xokk tal-AfD
Ix-xokk, anke jekk mhux sorpriża, tal-ġurnata, kien ir-riżultat miksub mill-AfD tal-lemin estrem taħt it-tmexxija ta’ Alice Weidel. L-AfD huma partit Ewro-xettiku, li huma kontra li l-Ġermanja tgħin lill-Ukrajna fil-ġlieda kontra l-invażjoni Russa u antiimmigrazzjoni. Hu partit li jgawdi l-appoġġ ta’ estremisti politiċi bħal Elon Musk.
Ikun żball jekk is-suċċess tal-AfD jiġi injorat jew mixħut taħt tapit. Filwaqt li huwa essenzjali li s-Soċjalisti jikkollaboraw mas-CDU/CSU biex jiġi evitat kull prospett li l-AfD jersqu qrib li jkunu fil-gvern jeħtieġ li l-messaġġ li joħroġ mir-riżultat jinqara b’mod ċar.
Il-poplu Ġermaniż qiegħed juri biċ-ċar li mhuwiex kuntent b’politika xellugija jew ċentru xellugija. Jeħtieġ politika ċentrista jew ċentru leminija. Jekk dan il-messaġġ jiġi injorat, ir-riżultat ta’ forzi politiċi perikolużi bħall-AfD se jkomplu jissaħħu u jitqawwew.
Koalizzjoni
Il-Ġermanja għandha storja twila mit-tieni gwerra ’l hawn ta’ koalizzjonijiet. Fl-aħħar snin l-idea ta’ koalizzjoni bejn ir-rivali l-kbar CDU/CSU u s-Soċjalisti qiegħda ssir aktar komuni. Dan jidher li huwa l-unika għażla vijabbli li reġa’ hemm din id-darba. Jalla s-sens komun jipprevali hekk kif is-Soċjalisti s’issa rrifjutaw li jikkonfermaw li huma disposti jservu fi gvern immexxi mis-CDU/CSU.
Politika Barranija
Jekk Merz jikseb l-għanijiet tiegħu ninsab ferm ħerqan li nara l-Ġermanja ġdida fix-xena internazzjonali. Merz tkellem ċar kristall dwar il-bżonn li llum qabel għada ninħallu mid-dipendenza u rbit li għandna mal-Istati Uniti bħala kontinent f’termini militari. Tkellem dwar l-importanza li l-Unjoni Ewropea toffri appoġġ sħiħ u indiviż lill-Ukrajna waqt li din tissielet kontra l-aggressjoni Russa.
Xeni tal-mistħija
Il-Parlament Malti din il-ġimgħa ra xeni tal-mistħija. Prim Ministru li moħħu biss fl-attakki partiġjani u l-battuti politiċi f’attentat iddisprat li jipprovdi tarka lil min mhux talli ma ħaqqu ebda tarka talli ħaqqu jispiċċa barra mix-xena. Mhux ta’ b’xejn li f’editorjal interessanti ħafna din il-ġimgħa, il-MaltaToday saħqet, “Unfortunately, inconsistency, refusal to shoulder political responsibility, brushing aside wrongdoing and deriding critics, journalists and the judiciary, have become the hallmarks of Abela’s administration.”
Huwa ta’ għajb għad-demokrazija Maltija li l-Gvern ta’ Robert Abela spiċċa wieħed fejn kull vuċi kritika ssib ruħha taħt assedju; fejn m’hemm ebda rispett lejn il-kunċett tal-kontabbiltà u fejn dak li huwa manifestament ħażin nippruvaw insibu xi skuża għaliex għandu jiġi skużat jew nagħlqu għajn waħda għalih.
Pajjiżna għandu Prim Ministru li jinsab dahru mal-ħajt u qed jirrikorri għal miżuri estremisti u isteriċi biex jipprova jsalva ġildu. Pajjiżna għandu Partit Laburista li qiegħed dejjem iżjed jinħakem minn fazzjoni estremista li għaliha l-punti politiċi jiġu l-ewwel u qabel kollox.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 27 ta’ Frar, 2025.
//= $special ?>