Opinjoni

OPINJONI: Xi kwalità ta’ ħajja!

"Kwalità ta’ ħajja" malajr saret frażi fuq fomm kulħadd, imma l-konfużjoni dwar xi tfisser fir-realà taf ikollha konsegwenzi negattivi serji

minn Mark Said

Waqt li dik il-frażi hI spiss użata mill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, issa kulħadd, mill-politiċi għall-ekonomisti sal-eżekuttivi fir-reklamar, jikkompetu bejniethom min minnhom kapaċi joffri kwalità ta’ ħajja mill-aħjar. Imma xi tfisser, u kif tista’ titjieb mill-mexxejja politiċi, negozji u l-ekonomisti tagħna ġaladarba ħadd mhu kapaċi ifissirha bl-iktar mod ċar?
Hekk kif il-progress mediku u teknoloġiku għenu sabiex għomorna jitwal, l-attenzjoni tagħna nbidlet minn waħda kkonċentrata fuq il-kwantità għal waħda fuq il-kwalità tal-ħajja.
Biss, kwalità ta’ ħajja hija xi ħaġa soġġettiva u multidimensjonali, u tiġbor fiha aspetti pożittivi u negattivi tal-ħajja. Hija kundizzjoni dinamika li tirrispondi għal dak li jiġri f’ħajjitna. Jistgħu jidħlu fiha kwalunkwe ħaġa, għandhiex x’taqsam mas-saħħa fiżika, l-istat psikoloġiku, il-livell ta’ indipendenza, il-familja, l-edukazzjoni, il-ġid, it-twemmin reliġjuż, is-sens ta’ ottimiżmu, is-servizzi lokali u t-trasport, ix-xogħol, ir-relazzjonijiet soċjali, l-akkomodazzjoni u l-ambjent.
L-istudjużi tal-ekonomija, is-soċjoloġija, ix-xjenza politika u l-psikoloġija soċjali ppruvaw ifissru u jikkwantifikaw il-kwalità tal-ħajja bil-għan li jagħmlu osservazzjonijiet veritjieri dwar is-soċjetà u biex jifformulaw l-aħjar politika. Sfortunatament, ftit, jew l-ebda waħda minn dawk it-tentattivi rnexxielhom ikejlu sistematikament inkella għamlu użu mill-kwalità tal-ħajja f’evalwazzjoni kwantittativa tat-tagħrif miġbur.
Jeħtieġ li dawn l-istudjużi jesploraw il-kwalità tal-ħajja b’mod konċettwali, jiżviluppaw u jivvalidaw indiċi li jkejjel il-kwalità tal-ħajja, u jiddiskutu kif dak il-kejl jista’ jintuża sabiex jiġu analizzati r-riżultati politiċi u soċjali.
Tagħrif dwar il-kwalità ta’ ħajja jkun għodda utli biex titfassal politika li kapaċi tilqa’ għad-deterjorazzjoni tal-ħajja, tipprovdi rimedji xierqa, tassessja l-impatti negattivi ta’ proġetti nazzjonali, toffri stil ta’ ħajja alternattiva u twissi lill-mexxejja dwar il-ħafna ilmenti u tagħkis tan-nies.
Għalkemm hemm ħafna tagħrif dwar il-benessere u l-kwalità tal-ħajja inġenerali, m’hemmx biżżejjed għarfien u statistiċi dwar kif il-bniedem jgħix taħt stress kroniku. Tali diffikultà tinħass aktar meta u fejn dak l-istress imur oltrè l-iżvantaġġi ekonomiċi u jinkludi n-nuqqas persistenti ta’ sodisfazjon fil-politika flimkien mal-polarizzazzjoni u l-konsegwenzi koroh marbuta magħha.
Għal ħafna minna, li niksbu l-aqwa kwalità ta’ ħajja possibbli għalina u familtna huwa x’aktarx l-għan ewlieni f’ħajjitna. Naturalment, sta għal kull wieħed u waħda minna li nieħdu d-deċiżjonijiet dwar ħajjitna, iżda hemm affarijiet li l-politika pubblika tista’ tagħmel sabiex tgħina nilħqu l-għan tagħna.
L-għarfien dejjem jikber u l-ħila li titkejjel il-kwalità tal-ħajja jew il-benessere tan-nies, u s-saħħa li dan jagħti lill-individwi u dawk li jfasslu l-politika biex jieħdu d-deċiżjonijiet li jistgħu jgħinu fit-titjib tagħha, bla dubju ta’ xejn huwa pass ’il quddiem, imma, minkejja dan, naħseb li għadna ferm lura wara pajjiżi oħrajn fejn il-popli tagħhom igawdu u jiftaħru bi standards għolja u tanġibbli ta’ kwalità ta’ ħajja u benessere.

Bżonn ta’ aktar proposti
Hemm bżonn ta’ aktar proposti biex isostnu kwalità ogħla u itjeb ta’ ħajja u benessere f’oqsma fejn l-approċċ ekonomiku konvenzjonali ftit li xejn, jew saħansitra xejn, għandu x’jaqsam.
Tradizzjonalment, l-istabilità ekonomika kienet meqjusa fattur u kejl ewlieni fl-assessjar tal-kwalità ta’ ħajja ta’ pajjiż. Rata ta’ inflazzjoni ta’ 0% tejoretikament kien meqjus l-aħjar. Għalhekk, akbar id-devjazzjoni, anqas attraenti l-kwalità ta’ ħajja.
Fatturi addizzjonali ta’ riskju kienu d-dejn tal-gvern u d-defiċits fil-baġit (fil-konfront tal-prodott domestiku gross), li, b’ċifri ogħla, ukoll iġorru magħhom riskji akbar fit-tul. Però, baġit ibbilanċjat, inkella b’surplas, kien jitqies sinjal pożittiv.
Ir-rata ta’ qgħad ġewwa pajjiż ukoll kienet titqies peress li indirettament twassal għal nefqa soċjali akbar, u l-qgħad fit-tul huwa wkoll riskju għall-pensjonijiet tax-xjuħ. Il-proporzzjon tal-provvista disponibbli ta’ flus mar-riżervi finanzjarji tal-gvern kien ukoll inkluż bħala kriterju ta’ sigurtà ekonomika fit-tul.
Xejn ma tgħin l-istabbiltà politika jekk tkun dovuta għal prinċipji dittatorjali u jekk in-nies ma jkollhom ebda vuċi. Il-liġijiet li jintgħamlu mhux biss iridu jidhru tajbin imma jridu wkoll jiġu implimentati u obduti anke mill-gvern.
Primarjament, għalhekk, dan il-qasam jidħol fih il-konformità mas-saltna tad-dritt flimkien mal-kwalità regolatorja tal-Gvern. Ukoll, fatturi oħrajn huma l-parteċipazzjoni demokratika tal-poplu u, mhux inqas, miżuri biex jiġġieldu l-korruzzjoni.
Huwa ta’ importanza kbira li jkun hemm miżuri kontra l-korruzzjoni kif ukoll kif dawn jiġu perċepiti min-nies.
Is-servizzi tas-saħħa wkoll huma vitali għall-kwalità tal-ħajja. L-aktar fattur effettiv fil-qasam tas-saħħa huwa l-medja tal-għomor ta’ kemm wieħed jgħix, u dan jirrifletti fatturi oħrajn bħalma hija n-nutrizzjoni bnina u regolari. Ukoll, il-provvista tal-ilma tajjeb għax-xorb flimkien mal-għadd ta’ tobba u sodod fl-isptarijiet meta mqabbla mal-għadd tal-abitanti jridu jitqiesu f’dan il-qasam.
Il-kwalità ta’ ħajja hija komponent ġeneralment mhux finanzjarja marbuta mas-sodisfazzjon bix-xogħol u l-ħajja. Biss tibqa’ miżura purament soġġettiva dwar il-hena li hija element essenzjali għal ħafna deċiżjonijiet finanzjarji bħalma huma s-sigurtà finanzjarja, sodisfazjon fix-xogħol, il-ħajja familjari, is-saħħa u s-sigurtà. Fattur komuni għall-kwalità tal-ħajja jidħol fih il-ħin għall-mistrieħ, it-trasport, it-temp u r-relazzjonijiet armonjużi mal-oħrajn.
Il-perspettivi kulturali, il-valuri, l-aspettattivi personali u dak li nixtiequ mill-ħajja, ukoll, m’għandhomx jiġu injorati.
Għal żmien twil wisq issa, tifsira preċiża, ċara u maqbula tal-kwalità tal-ħajja għadha ‘l bogħod ferm. Spiss, il-mexxejja politiċi u soċjali tagħna lanqas biss jippruvaw ifissru l-kunċett, u, minflok, jużawh bħala indikatur.
Is-soġġettività tkompli tkun fundamentali biex nifhmu l-kwalità tal-ħajja. Kif inhi s-sitwazzjoni llum, il-konfużjoni dwar xi tfisser kwalità ta’ ħajja ftit li xejn qiegħda tgħin minn kwalunkwe aspett u taf ikollha konsegwenzi etiċi serji.
Żgur, però, li taħt il-gvern attwali, il-kwalità tal-ħajja ħadet daqqa ‘l isflel mhux ħażin.
Fl-aħħar mill-aħħar, huma d-deċiżjonijiet li nieħdu, u mhux il-kundizzjonijiet tagħna, li jiddeterminaw il-kwalità tal-ħajja tagħna.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 23 ta’ Frar, 2025.