Raġel ta’ 35 sena minn Ħal Qormi ġie kkundannat tmien xhur ħabs sospiżi għal sentejn mill-Maġistrat Charmaine Galea wara li ammetta li fil-21 ta’ Frar li għadda waranofsinhar pprova jisraq ħwejjeġ sportivi minn ħanut fl-istess lokalità.
Franklin Xerri ammetta li wettaq dan ir-reat minn-ħanut li jinsab fi Triq l-Iljun. Huwa kien mixli wkoll li naqas li jobdi l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor fil-Qorti. Id-difiża talbet biex Xerri jingħata sentenza ta’ ħabs sospiża biex ikun jista’ jibqa’ għaddej bil-manteniment.
Mill-provi rriżulta li l-ammont tal-ħwejjeġ li l-imputat ittanta jisraq huma ferm inqas minn €2,330, liema delitt ma ġiex esegwit minħabba xi ħaġa aċċidentali u indipendenti mill-volontà tiegħu. Huwa ammetta wkoll li fl-istess data, ħin, lok u ċirkostanzi naqas milli josserva xi waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati, li bih ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.
Dwar il-piena, il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni n-natura tar-reati li tagħhom huwa nstab ħati, il-fedina penali tiegħu, u l-ammissjoni fl-aktar stadju bikri ta’ dawn il-proċeduri. Il-Qorti semgħet lid-difiża tirrileva li l-imputat għamel dak li għamel biex ikollu biżżejjed mezzi biex iħallas il-manteniment.
Il-Qorti però tosserva li l-imputat wieġeb li huwa jaħdem. Ċertament filwaqt li huwa għandu l-obbligu li
jħares kwalunkwe ordni ta’ manteniment, ma jfissirx li biex jonora dan l-obbligu huwa permissibbli li jwettaq reat bħal dan, iktar u iktar meta kien ibbenefika mid-dritt tal-ħelsien mill-arrest fi proċeduri oħra li għadhom pendenti.
Il-Qorti qalet li hija tal-fehma li għandha tagħti l-aħħar opportunità lil Xerri biex joqgħod 'il bogħod mill-kriminalità
u għalhekk se tkun qed timponi fuqu sentenza ta’ priġunerija sospiża,
sabiex l-imputat jibqa’ għaddej fil-ħajja tax-xogħol tiegħu sabiex anke jonora l-obbligu tiegħu ta’ manteniment.
Però, dan irid jagħmlu bi gwida sabiex joqgħod ‘il bogħod mill-kriminalità.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Brandon Bonnici mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Roderick Agius.