Internazzjonali

Ukrajna-Russja: Ottimiżmu dwar waqfien mill-ġlied wara l-laqgħa bejn Keir Starmer u Donald Trump

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, esprima t-twemmin sod li l-Ukrajna u r-Russja se jaslu fi ftehim għal waqfien mill-ġlied wara aktar minn tliet snin ta’ gwerra fl-artijiet Ukreni. Il-battalji kontinwi segwew bl-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin fi Frar tal-2022.

Dan kien l-aktar punt sinifikanti li ħareġ mil-laqgħa ta’ Washington li saret ftit ilu bejn Trump u l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Keir Starmern.Laqgħa li trattat il-futur tal-Ukrajna flimkien mal-aspetti tas-sigurtà għal dan il-pajjiż kif ukoll għar-Renju Unit u l-Ewropa.

Trump qed jindika li kapaċi jsir qbil dwar l-element tas-sigurtà li għandu importanza partikulari għall-ftehim bejn l-Ukrajna u Moska. Hu kompla li f’dan il-punt, l-aktar taħditiet delikati għandhom jiffokaw fuq jekk ‘tassew teżistx sitwazzjoni għal ftehim li hu aċċettabbli għan-naħat kollha.’

Trump fl-istess ħin jemmen li ftehim dwar it-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna għandu jibqa’ effettiv għat-tul taż-żmien.’ Dan, waqt li Keir Starmer insista biex kwalunkwe ftehim ikun wieħed ‘permamenti’ u mhux xi ħaġa li tibqa’ valida biss għal kwistjoni ta’ xhur.

Fl-istess ħin, il-Prim Ministru Britanniku tenna li l-aħħar żviluppi li jistgħu jwittu t-triq lejn it-tmiem tal-gwerra ma kenux ikunu possibbli ‘mingħajr l-intervent ta’ Trump’ fil-kwistjoni.

Waqt il-laqgħat fil-White House, Donald Trump tenna wkoll li l-Istati Uniti qed tiffinanzja lin-NATO fuq livell sproporzjonali. Dan waqt li hu attakka lill-Eks President Amerikan Joe Biden fost referenzi għall-‘amministrazzjoni diżastruża’ preċedenti f’Washington.

Trump kompla li l-gwerra fl-Ukrajna u l-attakki terroristiċi storiċi tal-Ħamas fuq Iżrael ma kienu jsiru qatt li kieku hu kien għadu President tal-Istati Uniti waqt il-perjodu ta’ Biden.

Fl-istess ħin, il-President qal li kieku ma rebaħx l-aħħar elezzjonijiet presidenzjali, it-taħditiet bejnu u Vladimir Putin ‘dwar il-paċi’ ma kenux se jsiru – u fost il-kumment li hu ‘ma jemminx li l-President Russu, ‘il quddiem, għandu jwettaq invażjoni oħra tal-Ukrajna’.

Madankollu, Trump għamilha ċara wkoll li ‘mhux se jkun hemm sitwazzjoni fejn l-Ukrajna ssir parti min-NATO’ bħala parti minn ftehim għal waqfien mill-ġlied mar-Russja.

Meta, imbagħad, kien mitlub jispjega aktar dwar il-kummenti tiegħu li l-Unjoni Eweropea qed ‘tfixkel il-kummerċ tal-Istati Uniti’, Donald Trump qal li fil-passat kellu l-problemi mal-Unjoni. Hu, bħala eżampju, irrefera għal meta l-UE kienet fittxet lill-kumpanniji Amerikani (fosthom Apple) bil-qorti.

Sadanittant, fil-bidu tal-laqgħa fil-White House, Keir Starmer estenda l-istedina tar-Re Karlu tal-Ingilterra biex il-President tal-Istati Uniti jżur ir-Renju Unit għat-tieni żjara statali bħala Mexxej Amerikan u bħala xi ħaġa ‘mingħajr preċedent’. Min-naħa tiegħu, Donald Trump qal li hu kuntent ħafna li jaċċetta din l-istedina.