Internazzjonali

20 minuta li heżżew lill-Punent – tintemm mingħajr ftehim il-laqgħa taħraq bejn Trump u Zelensky

Il-laqgħa tant mistennija f’Washington bejn il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky intemmet wara 20 minuta….Laqgħa pjuttost qasira u dominati b’rabja u mhux ftit tat-tensjoni – tant li Trump, f’ħin minnhom, akkuża lil Zelensky dwar ‘logħba ta’ ażżard li setgħet irriżultat fit-Tielet Gwerra Dinjija’.

Dan minkejja li l-Ukrajna ilha l-aħħar tlett snin issofri l-aggressività tar-Russja wara l-invażjoni ta’ artha mis-suldati u t-tankijiet tal-gwerra tal-Kremlin…Gwerra li għadha qalila anki issa, bir-Russi qed ikomplu jisparaw l-artillerija, l-missili u d-drones lejn iz-zoni ċivili tal-Ukrajna.

Volodymyr Zelensky, sadanittant, wassal il-messaġġ ċar li ma jistax ikun hemm il-kompromessi mal-President Russu, Vladimir Putin, iżda Trump għamilielu ċara li l-Ukrajna teħtieġ iċċedi għall-konċessjonijiet jekk trid li jkollha ftehim għall-paċi mar-Russja.

Volodymyr Zelensky kien mar fl-Oval Office biex jikkonkludi ftehim mal-Istati Uniti li jippermetti biex l-Amerikani jkollhom aċċess speċjali għall-minerali rari fl-artijiet tal-Ukreni….Ftehim li l-Ukreni jittamaw li jippermetti għal ‘partnership’ strateġiku bejn pajjiżhom u l-Istati Uniti.

Iżda, għalissa, kollox għadu fl-ajru, bis-sitwazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Ukrajna qed tkun imfissra bħala ‘ħażina għall-aħħar’…Dan ukoll meta, l-Mexxej Ukren, ftit minuti ilu, telaq mill-White House fost arja ta’ tensjoni u wara li, tul il-laqgħa, kien spiċċa l-mira għall-attakki u insulti ħorox min-naħa ta’ Trump u l-Viċi-President Amerikan, JD Vance