Għawdex Lokali

Clint Camilleri jibqa’ ma jweġibx domandi dwar il-ħbiberija intima tiegħu mal-perit li tah id-direct order tat-triq tan-Nadur

Ritratt: Martin Agius
Proġett li l-Awditur sab li sewa €18.5 miljun minflok €8 miljuni, jiġifieri nefqa ta’ €10.5 miljun aktar milli kien ippjanat minn flus il-poplu, u li dwaru nfetħet inkjesta maġisterjali

Għaddiet ġimgħa minn meta l-midja żvelata dettalji ġodda fi skandlu ġdid li jinvolvi lill-Ministru Clint Camilleri dwar Triq l-Imġarr fin-Nadur, u kulma kellna sa issa kien silenzju assolut min-naħa tal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar – l-istess Ministru li Robert Abela ddefendieh b’ruħu u ġismu fi skandlu ieħor li kien wassal għar-riżenja ta’ sieħbu l-Ministru Clayton Bartolo.

Minkejja li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kien sab li Clint Camilleri kien ħati daqs Clayton Bartolo u kompliċi daqsu – jekk mhux aktar minnu minħabba li għamel cover-up – fil-każ tal-job fantażma li ngħatat il-mara ta’ Bartolo mal-Ministeru għal Għawdex u li għalih tħallset €70,000, il-PM Abela u Clint Camilleri warrbu kull sejħa biex Camilleri jirriżenja.

Dan kuntrarju għal dak li ġara fil-każ ta’ Clayton Bartolo li ma kellux triq oħra ħlief li fid-dawl ta’ dan il-każ ta’ frodi jirriżenja minn Ministru u saħanistra tneħħa minn membru tal-Grupp Parlamentari Laburista.

F’konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg u x-Shadow Minister għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Joe Giglio spjegaw kif nhar il-Ħadd li għadda l-midja żvelat ir-rabtiet suspettużi bejn Camilleri u l-Perit li tħallas eluf ta’ ewro minn flus il-poplu meta ngħata direct order biex jagħmel xogħol fuq il-proġett tat-Triq tan-Nadur.

Proġett li ġie jiswa mal-10 miljun ewro aktar milli kien stmat oriġinarjament, bl-ispiża titla’ minn €8 miljuni għal €18.5 miljun, u li dwaru nfetħet inkjesta maġisterjali.

Madanakollu, qalu x-Shadow Ministers, il-Ministru Camilleri għadu ma tniffisx, u għadu ma weġibx il-ħafna mistoqsijiet li qamu dwar dan il-każ fir-rigward tal-ħbiberija intima tiegħu mal-Perit Godwin Agius li tħallas kważi tliet kwarti ta’ miljun ewro għas-servizzi tiegħu bħala l-perit tal-Ministeru għal Għawdex fuq il-proġett tat-Triq tan-Nadur:

·     Għadu ma ta l-ebda spjegazzjoni kif dan l-istess perit li ngħata kuntratt mill-Ministeru tiegħu stess jaħdem minn uffiċċju li huwa proprjetà ta’ Clint Camilleri u ommu, u hu l-istess uffiċċju li Clint Camilleri kien juża bħala perit qabel ma laħaq Ministru;

·     Ma spjegax lanqas kif l-istess perit qed jaħdem minn dan il-post fin-Nadur li l-aħħar reġistru elettorali juri lill-Ministru reġistrat bħala residenti fl-istess binja;

·     U għadu ma spjegax lanqas lill-poplu Malti jekk jaħsibx li hu etiku u normali l-fatt li r-residenza ta’ ommu spiċċat qed tintuża bħala l-uffiċċji tad-ditta tal-periti li jmexxi Godwin Agius.


Bħala Perit, Agius kien dak li awtorizza u vverifika l-parti l-kbira tax-xogħlijiet li saru fil-proġett ta’ Triq l-Imġarr fin-Nadur, li swiet €10 miljun aktar mill-istima oriġinali tat-tender, jiġifieri d-doppju tal-budget li kien ġie allokat.

Kuntratt li l-Awditur Ġenerali ddeskrivieh bħala eżerċizzju ta’ amministrazzjoni ħażina, mifni b’nuqqas ta’ ppjanar, konfużjoni, negliġenza fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u sparparljar ta’ flus fi studji li ma kinux meħtieġa. L-NAO kien esprima b’mod partikolari dubji dwar il-pagamenti eżorbitanti li saru, kif ukoll dwar is-sehem li kellu l-Perit Agius. Kien ukoll esprima d-diżappunt tiegħu li ma setax jistabbilixxi numru ta’ fatti minħabba li l-Ministru baqa’ jirrifjuta li jgħaddi d-dokumentazzjoni li ntalab jgħaddi, fosthom il-kuntratti tal-perit ħabib tiegħu.

Godwin Agius – eks kollega tal-Ministru Camilleri fl-istess ditta ta’ periti li kien imexxi l-eks Ministru Laburista Charles Buhagiar – kien ingħata d-direct order biex jagħmilha ta’ perit f’dan il-proġett ftit ġimgħat biss wara li Abela għamel lil Camilleri Ministru għal Għawdex. Dakinhar Clint Camilleri kien waqqaf il-kuntratt tax-xogħljiet fuq din it-triq mibdi mill-predeċessur tiegħu Justyne Caruana sempliċiment biex ibiddel il-perit tal-proġett u jagħti dan ix-xogħol lil Agius – deċiżjoni li wasslet għal żieda kbira fl-ispejjeż fuq dan il-proġett, inkluż fin-nefqa għas-servizzi tal-perit li rduppjat fil-prezz.

Minbarra xogħol ieħor tal-Ministeru għal Għawdex, u għal diversi Ministeri oħra tal-Gvern Laburista, il-Perit Godwin Agius huwa wkoll membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar li taqa’ taħt Clint Camilleri, chairman ta’ wieħed mill-kumitati tal-Building and Construction Authority, apparti li nħatar Chairman tal-aġenzija tal-gvern responsabbli mill-proġett tat-tieni interconnector ma’ Sqallija.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista fakkru wkoll fi skandlu ieħor li jinvolvi lill-Ministru Clint Camilleri – dak dwar l-allegata korruzzjoni fl-allokazzjoni tal-irmiġġi fil-Port tal-Imġarr, każ li dwaru wkoll intalbet inkjesta maġisterjali. Jekk il-Gvern Laburista u l-Ministru Clint Camilleri m’għandhomx x’jaħbu, għandhom jaqblu li l-Qorti tiddikjara li ma għamlu xejn ħażin f’dawn il-każi u mhux, minflok, jgħaddu liġi biex iwaqqfu lill-Qorti milli tiddeċiedi jekk għandhiex tibda inkjesta maġisterjali jew le.

Anke f’dan il-każ il-Ministru Camilleri għadu ma indirizza l-ebda wieħed mid-dubji li tqajmu, fosthom jekk hux veru li kien hemm min intalab iħallas il-flus biex jingħata rmiġġ, fuq liema kriterji dawn jiġu allokati, u jekk hux minnu li biex tieħu rmiġġ trid tkun taf lill-Ministru jew lin-nies tiegħu. Agħar minn hekk għadu ma spjegax lanqas għaliex ħass li kellu jżomm il-ġestjoni ta’ dawn l-irmiġġi għas-sajjieda taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu.

F’Għawdex it-tmexxija ta’ dawn l-irmiġġi tieħu ħsiebha Transport Malta li titmexxa minn mart il-Ministru Clint Camilleri bħala Manager tal-aġenzija f’Għawdex.

Ix-Shadow Ministers Alex Borg u Joe Giglio qalu li waqt li l-Gvern u dawk qrib tiegħu qed ikomplu jiffangaw, l-Għawdxin ikompli jbatu sitwazzjoni diżastruża tat-toroq, proġetti li ma jżommux mad-deadlines u mal-budgets u ambjent dejjem sejjer għall-agħar, b’effetti ċari fuq il-livell tal-għajxien tagħhom.

Il-poplu Malti, fosthom l-Għawdxin, jinsabu mxebbgħa b’dan kollu u jridu l-bidla. Huwa għalhekk li nhar il-Ħadd 9 ta’ Marzu l-Maltin u l-Għawdxin se jwieġbu għas-sejħa li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista biex jingħaqdu fi protesta fil-Belt Valletta.

Għax dan huwa Gvern li falla, Gvern li falliek u Gvern li falla wkoll lill-Għawdxin.