Il-President Amerikan, Donald Trump, waqt il-laqgħa mal-President Ukren li għadha kemm intemmet f’Washington, tenna li ‘(il-President) Volodymyr Zelensky u l-Ukrajna jinsabu f’inkwiet kbir meta mgħandhomx ċans li jirbħu l-gwerra kontra r-Russja.
Trump sostna li ’aktar Ukreni qed imutu’ u li ‘l-Ukrajna qed jonqsulha s-suldati biex tkompli tirreżisti lil Putin’. Fl-istess ħin, hu informa lil Zelensky li xorta għad hemm ċans tajjeb li l-Ukrajna, ‘il quddiem, toħroġ ‘bl-inqas danni, grazzi, proprju, għall-Istati Uniti’.
Donald Trump, imbagħad, irrefera għall-eks-President Amerikan, Joe Biden, bħala ‘bniedem stupidu’ talli provda lil Zelensky bil-mijiet tal-biljuni ta’ dollari u armamenti biex jiġġieled din il-gwerra…Gwerra li skont Trump ‘kienet titlesta f’ġimgħatejn mingħajr din l-għajnuna’ – b’dan il-kliem jirrifletti d-diskors tal-President tar-Russja Vladimir Putin, ftit wara li kienu daħlu l-ewwel suldati Russi fl-Ukrajna.
Zelensky, imbagħad, ċaħad li kien qed ‘jiddisrispetta’ lill-Istati Uniti wara li hu spiċċa faċċjat anki b’din l-akkuża…Fil-fatt, Donald Trump, b’leħen għoli, tkellem dwar ‘id-disrispett ( ta’ Zelensky) għal pajjiżu wara li (l-Amerikani) tawhom (lill-Ukreni) ħafna aktar appoġġ milli kienu obbligati li jagħtu’.
Il-President Ukren, imbagħad, staqsa direttament lill-Viċi-President Amerikan JD Vance (ukoll preżenti għal-laqgħa u li kien qed juri l-istess atteġġjament ostli ta’ Trump) jekk hu ‘qatt marx fl-Ukrajna biex jara l-problemi li qed ibati l-poplu b’kaġun tal-kampanja militari tar-Russja’.
U meta Vance qallu li ‘kien qara dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna’, il-Mexxej Ukren xejjer rasu u qal li l-Istati Uniti ‘ukoll, eventwalment, se tħoss il-konsegwenzi tal-gwerra’.
Dan il-kumment xejn ma niżel tajjeb mal-President Trump li għajjat ma’ Zelensky ‘biex hu ma jiddettax x’se jħossu l-Amerikani,’ fost il-kumment li ‘l-Istati Uniti se tibqa’ tajba u b’saħħitha’….Dan fost arja tqila ta’ tensjoni li ma kellha l-ebda preċedent fil-laqgħat kollha li qatt saru fil-White House bejn il-Presidenti tal-Istati Uniti u l-mexxejja ta’ pajjiżi oħra.
//= $special ?>