Koppja u t-tifla tagħhom ammettew fil-Qorti li użaw kliem ta’ theddid u insulentaw lill-ġurnalisti. Huma skużaw ruħhom għal dak li wettqu. Ir-raġel ingħata sentenza sospiża filwaqt li-nisa ngħataw libertà kundizzjonata.
Dan seħħ l-Erbgħa li għaddew filgħaxija fil-ħin li kienu qegħdin jitressqu erba’ persuni b’rabta mas-serqa ta’ aktar minn 200 kilo droga minn container fil-barracks tal-Armata ġewwa Ħal Safi. Il-persuni li tressqu quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi huma; Keith Pace ta’ 44 sena residenti Santa Venera, Maria Grixti ta’ 48 sena residenti x-Xgħajra u bintha Desideria Grixti ta’ 28 sena, residenti tal-Pietà.
Huma ġew akkużati li fis-26 ta’ Frar fil-Belt Valletta, użaw vjolenza morali u psikoloġika sabiex il-ġurnalisti Alexander Borg, Shanaya Farrugia u Ruslana Barabara ma jagħmlux xogħolhom. Ġew mixlija wkoll li kkawżaw biża fost il-membri tal-media, li kienet se tintuża vjolenza fil-konfront tagħhom, li nġurjawhom, għamlulhom ħsara u dejquhom u li kisru l-paċi pubblika b’għajjat u storbju.
L-Ispettur Gabriel Micallef qal li sar rapport fl-Għassa tal-Belt li kien hemm xi persuni li kienu qegħdin jimpeduhom milli jagħmlu xogħolhom. Mill-filmati rriżulta min kienu l-impuatati. Id-difiża ma kkonestatx il-validità tal-arrest.
Huma ġew arrestati l-Ġimgħa filgħodu għall-ħabta tal-10am. Ma kien hemm l-ebda reżistenza minn naħa tagħhom, ikkonfermat il-prosekzzjoni u marru l-Għassa tal-Belt meta mitluba jagħmlu dan. Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li huma kienu qed jistennew piena li tkun fil-parametri tal-liġi. L-Isppettur talab għal ordni ta’ protezzjoni u tenna li Maria Grixti għaddiet kumment wieħed biss u telqet.
L-Avukat difensur Franco Debono qal li l-akkużati lesti jitolbu apoloġija u jwieġbu ħatja tal-akkużi u għamlu dak li għamlu għax kienu taħt stress meta kienu qed jitressqu membri tal-familja tagħhom. “Qed niskużaw ruħna mal-ġurnalisti u jiddispaċina ħafna dak li għamilna u li kieku jistgħu nirtiraw dak kollu li għamilna,” qalu l-akkużati fil-Qorti.
“Bix-xogħol li jagħmlu l-ġurnalisti għandhom is-saħħa li jikkontrollaw lilna u l-eżekuttib u anke lill-parlament u bix-xogħil tagħhom iwassal biex isir skrutinju ta’ dak kollu li jsir,” qal il-Maġistrat Azzopardi lill-akkużati.
L-Avukat Debono qal li waħda mill-akkużati hija omm, u li din qalet li “tista’ ma ġġibx lit-tifel”. L-Avukat Ramona Attard qalet li vera saret apoloġija fuq Facebook, u li issa saret apoloġija fil-Qorti. “Imma ta’ min ifakkar li sar theddid u ġie kommess biża’ fil-konfront tal-ġurnalisti,” qalet l-Avukat. Qalet ukoll li qed taċċetta l-apoloġija sakemm ikunu protetti l-ġurnalisti.
ONE News, li l-ġurnalisti tiegħu kienu fost dawk fil-mira, sussegwentement ħareġ filmati tal-inċident. Mill-filmati jirriżulta li l-akkużati kellmu ħażin lill-ġurnalisti. Meta ġiet biex tagħti s-sentenza l-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni li l-kliem li qalu li ġew irtirati. Qalet li fil-konfront ta’ Keith Pace l-kondotta hija xi ftit kkurita,
Fil-konfront tan-nisa għalkemm mhux waħda gravi hemm ukoll każijiet simili, iżda li r-reati saru żmien twil ilu, Il-Qorti għaldaqtant fil-konfront ta’ Keith Pace kkundannatu għal piena ta’ sena ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Fir-rigward ta’ Desideria Grixti illiberata bil-kundizzjoni li ma tikkommettix reat ieħor fi żmien tliet snin. Fir-rigward ta’ Maria Gricti fi-dawl tal-fatt li dak li għamlet kien wieħed minimu, hija ġiet illiberata bil-kundizzjoni li ma tikkommettix reat ieħor fi żmien sena. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għall-protezzjoni tat-tliet ġurnalisti u l-familjar tagħhom u l-post tax-xogħol tagħhom.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Micallef filwaqt li għall-akkużati dehru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri. L-Avukat Ramona Attard dehret bħala parte civile għat-tliet ġurnalisti.
//= $special ?>