Lokali Qorti

Il-ĠURI TAN-NEMES: Jibda riesaq lejn tmiemu

Il-ġuri ta’ missier u ibnu li bdew għaddejjin ġuri t-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra akkużati bil-qtil ta’ żagħżugħ ta’ 21 sena fil-Ħamrun fil-jum tal-Ħadd tat-2 ta’ April tas-sena 2017, beda riesaq lejn tmiemu hekk kif id-difiża u l-prosekuzzjoni bdew jagħmlu r-replika u l-kontroreplika tagħhom.

Kurt Grech ta’ 31 sena magħruf bħala n-Nemes, u missieru Joseph ta’ 61 sena, it-tnejn minn Tal-Pietà, qed jiġu mixlijin bil-qtil ta’ Brandon Pace, magħruf bħala l-Gallali. It-tnejn qegħdin iwieġbu mhux ħatja tas-seba’ akkużi li qed jiffaċċjaw quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.

Il-vittma kien inqatel quddiem ommu u t-tfajla tiegħu wara argument bejn żewġ familji. Huwa ngħata 16-il daqqa ta’ sikkina, b’ħamsa minnhom fatali. Il-qtil sar fi Triq Giovanni Barbara. Id-difiża qed targumenta li ħafna mix-xhieda ma kenux konsistenti fix-xhieda tagħhom filwaqt li l-vittma kien persuna perikoluża u dejjem lest li jagħmel ħsara lill-akkużati.

Il-prosekuzzjoni qed tgħid li dak li seħħ kien li l-akkużati marru għall-vittma u baqgħu jaggredixxuh sakemm qatluh. Id-difiża bħas-soltu jkollha l-aħħar kelma fil-każ fejn din mistennija tagħlaq il-każ tagħha s-Sibt biex wara l-Imħallef tibda l-indirizz tagħha lill-ġurati biex wara tibgħathom jiddeliberaw. Il-każ mistennija ikomplu wkoll matul il-jum tal-Ħadd.

It-tnejn qed jiġu akkużati b’omiċidju volontarju, feriti gravi, pussess ta’ arma, li hija sikkina, pussess ta’ strument bil-ponta, li kisru l-paċi pubblika u l-bon ordni, li heddu u insulentaw lill-qraba tal-vittma. L-att tal-akkuża tgħid li l-vittma kien instab mimdud fl-indana ta’ blokka ta’ appartamenti f’għadira demm.

Il-vittma kien liebes shorts u kien ukoll ħafi u mill-feriti li kellu fuqu fosthom fuq sidru, kien evidenti li tilef ħafna demm. Ġie nnutat ukoll li f’xi ħin intużaw ukoll xi madum, li kienu jinsabu fit-triq imkissra barra l-blokka.

Ġie stabbilit fuq ix-xena tad-delit, li ftit tal-ħin qabel il-vittma Brandon Pace kellu argument ma’ Kurt Grech fejn dan kien mar quddiem il-blokk tal-appartament fejn kien hemm Jessica Bilocca fi Triq Giovanni Barbara, fejn kien ġie skambjat xi tgħajjir u theddid bejn Jessica Bilocca u Lisa Pace li kienu ħarġu fil-gallerija tal-appartament u Kurt Grech, li kien fl-appartament fejn kien hemm ukoll l-għarus ta’ Jessica Bilocca, Brandon Pace li malli ra x’kien qed jiġri, iddeċieda li jinżel isfel biex jikkonfronta lil Kurt Grech.

Irriżulta li barra flimkien ma’ Kurt Grech, kien hemm ukoll missieru Joseph Grech u ommu Anna Maria Grech, li ġie stabbilit li waslu fuq il-post b’vettura separata ftit minuti wara l-wasla ta’ Kurt. Minkejja li kien hemm tentattiv biex l-argument ma jibqax jeskala, dan sfaxxa fix-xejn peress li fi ftit minuti, Brandon Pace, Kurt Grech, Joseph Grech u Anna Maria Grech spiċċaw f’għoqda waħda, fejn skont ix-xhieda, f’ħin minnhom Brandon Pace deher jaqa’, b’Kurt Grech jaqbeż fuqu.

Irriżulta wkoll li kemm Kurt Grech kif ukoll Brandon Pace, użaw is-skieken li kellhom fuqhom bil-konsegwenza li Brandon Pace safa maqtul fuq il-post. Skont xhieda fuq il-post, fosthom omm Brandon, Lisa Pace, stqarrew mal-Pulizija, li meta Brandon Pace ipprova jidħol ġewwa l-blokka raw lil Joseph Grech jagħti l-aħħar daqqa ta’ sikkina f’dahar Brandon. 

Malli dan daħal ġewwa fil-komun tal-blokka tal-appartamenti, Kurt Grech u l-ġenituri tiegħu telqu minn fuq il-post bil-karozzi tagħhom. Meta Joseph Grech ġie mitkellem mill-Pulizija fir-residenza tiegħu ġie infurmat li kien jinsab ukoll arrestat flimkien ma’ ibnu Kurt Grech fuq l-omiċidju ta’ Brandon Pace. 

Fir-rigward ta’ omm Kurt u mart Joseph, Anna Maria Grech kienet tidher f’qagħda ħażina u taħt xokk tant li ġie deċiż li tiġi skortata wkoll mill-Pulizija lejn l-isptar, kif kien eskortat binha aktar kmieni. Ix-xhieda tal-prosekuzzjoni bdiet il-każ tagħha waranofsinhar.

l-Ispettur Elliott Magro, li fiż-żmien l-omiċidju kien Spettur stazzjonat l-Għassa tal-Ħamrun, qal li dakinhar fil-għaxija, pulizija li kienu fl-inħaw metai daħlilhom rapport li seħħ argument fil-Ħamrun u meta marru fuq il-post sabu żagħżugħ mejjet, li aktar tard kien identifikat bħala Brandon Pace. Il-vittma kien jidher li qala’ xi daqqiet ta’ sikkina, x’aktarx mingħand żewġ persuni li jgħidulhom tan-‘Nemes’.

L-Avukati Roberto Montalto, Edward Gatt u Kathleen Grima huwa l-avukati difensuri. L-Avukat Ishmael Psaila u Rachel Tua huma parte civile fil-każ. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Kaylie Bonett mill-uffiċċju tal-AĠ. L-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Elliott Magro kienu mexxew l-investigazzjoni dwar il-każ.