Lokali

Il-Gvern Laburista qed jaħsad dak li żera’ – il-kollass tal-kmand tal-Forzi Armati ta’ Malta – PN

Deċiżjoni wara l-oħra mill-Gvern Laburista fil-Forzi Armati mill-2013 ’l hawn wasslet għal kollass sħiħ fit-tmexxija tal-Forzi Armati – b’żewġ każijiet kbar f’xahrejn jikxfu l-mod kif il-Labour qed idgħajjef lill-Armata

Il-Gvern Laburista se jibqa’ magħruf bħala dak li żarma u kisser il-Forzi Armati ta’ Malta, sal-punt illi qed tiġi affettwata r-reputazzjoni tas-suldati u l-membri tal-Armata tagħna. Il-Labour issa ilu s-snin iżarma l-kmand tal-Armata, u issa qed jaħsad dak li żera’, u se jibqa’ mfakkar għall-mod kif immina s-sigurtà nazzjonali tagħna u rrendieha bħala waħda fraġli bid-deċiżjonijiet żbaljati li ħa.

Forza dixxiplinata tieħu s-snin biex terġa’ tinbena, iżda Gvern ġidid Nazzjonalista jkun impenjat li jinvesti fl-Armata u s-suldati tagħna biex jerġa’ jsaħħaħ is-sigurtà nazzjonali tagħna. Fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena:

·     Rajna żewġ persuni ta’ nazzjonalità Marokkina li ħarbu minn fuq ajruplan, ġrew minn fuq il-mitjar u ħarbu fil-pajjiż. F’xahrejn għadhom ma nstabux.

·     Issa, kellna serqa ta’ 200 kilo droga minn quddiem il-barrack block ta’ l-Ispecial Operations Unit (SOU) tal-Forzi Armati ta’ Malta – suppost wieħed mill-aktar postijiet sikuri fil-pajjiżi, bid-droga misruqa tkun fdata fil-kustodja tal-Forzi Armati ta’ Malta.


Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li ilu jagħmel talbiet ripetuti biex isir investiment serju  fis-sigurtà, id-difiża u l-operazzjoni tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Każ partikolari dwar in-nuqqas ta’ investiment – li poġġa f’riskju lis-suldati u bdoti tal-Forzi Armati – kien seħħ f’Lulju 2024, meta l-Partit Nazzjonalista kien esprima solidarjetà mal-bdoti u t-tekniċi tal-Air Wing li kienu involuti fl-inċident tal-ħelikopter SA316B Alouette III, u kif ukoll f’Marzu tal-istess sena, meta suldati wkoll ħelsuha ħafif wara li l-istess tip ta’ ħelikopter kien involut f’inċident ieħor. Dwar l-Air Wing, Gvern Nazzjonalista ta’ qabel l-2013 kien fassal u witta t-triq biex jinxtraw ħelikopters ġodda żgħar għal taħriġ u operazzjonijiet ta’ monitoraġġ u salvataġġ viċin il-kosta ta’ Malta. Iżda sfortuntament, wara 11-il sena u fuqhom, Gvern Laburista ħalla lis-suldati u bdoti tal-Forzi Armati ta’ Malta jibqgħu joperaw fil-periklu. Il-pjan ta’ Gvern Nazzjonalista qabel l-2013 kien li dawn il-ħelikopters kellhom ikunu phased-out sas-sena 2015. Madanakollu, Gvern Laburista baqa’ ma nvestiex f’ħelikopters ġodda għal taħriġ u operazzjonijiet ta’ monitoraġġ u salvataġġ viċin il-kosta ta’ Malta, anzi ħalla lill-bdoti u t-tekniċi tal-Air Wing jibqgħu jaħdmu u jagħtu servizz b’dawn il-ħelikopters antiki.

Minn sitt ħelikopters ta’ dan it-tip, wieħed biss għadu fi stat li hu meqjus operational u jista’ jwettaq ħidma ta’ salvataġġ.

Minbarra dan, hu fatt magħruf fost is-suldati u nies li kienu fis-servizz li taħt il-Gvern Laburista nbidel l-istil ta’ tmexxija fil-Forzi Armati ta’ Malta: fejn il-mertu, l-impenn u l-integrità ma saru jfissru xejn. Nies magħżula mill-politiċi ħadu promozzjonijiet lura fl-2013 għal Logutenenti Kurunelli, u mbagħad Kurunelli, b’min jasal biex jinħatar Deputat Kmandant, u min jinħatar f’kariga ta’ Brigadier fi ftit ġimgħat – u saħansitra llum hemm min minnhom wasal f’kariga fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Turija ta’ kemm il-Gvern Laburista ma jafx jiddistingwi bejn il-kmand tal-Forzi Armati ta’ Malta u persuni appuntati politikament.

Ilkoll niftakru r-risposta tal-Prim Ministru Robert Abela għat-talba tal-PN biex ninvestu fis-sigurtà, id-difiża u l-operazzjoni tal-Forzi Armata ta’ Malta meta f’laqgħa politika tal-Partit Laburista nhar is-17 ta’ Marzu 2024 qal li investiment hekk ifisser li nibagħtu lit-tfal Maltin għall-gwerra. Tweġiba li turi kif il-Gvern Laburista ma jemminx fl-investiment għad-difiża tal-pajjiż.

Għall-Partit Nazzjonalista mhux biss l-investiment fid-difiża jgħodd, iżda wkoll il-mod kif jiġu investiti l-flus u kif intejbu l-kwalità fil-Forzi Armati ta’ Malta. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li għandu jitfassal pjan bis-serjetà dwar l-investiment fir-riżorsi umani, b’mod partikolari fit-taħriġ li hu bżonjuż biex is-suldati jwettqu dmirhom kif ukoll, u b’mod partikolari, għall-fizzjali li qegħdin fil-kmand tal-Forzi Armati. In-nuqqas tat-tmexxija tal-Forzi Armati li tinvesti fit-taħriġ tal-fizzjali qed iwassal għal nuqqas ta’ għarfien kif għandhom iwettqu d-dmrijiet tagħhom b’effiċjenza u kompetenza.

Eżempju dwar il-kwalità tal-infiq – u mhux l-ammont – hu dak li ġara bl-Offshore Patrol Boat P71, li ntefqu l-miljuni minn fondi pubbliċi fuqha biex inxtrat, biex jissewwew il-ħsarat u biex jinxtara d-diesel ħalli jitħaddem il-generator. Biex imbagħad, minkejja f’dan l-investiment għax-xiri tal-P71 li swiet il-miljuni lill-poplu Malti, kellu jkun il-bastiment P61 li ġie kkummissjonat fl-2005 li jintuża għall-missjoni ta’ salvataġġ f’Settembru tal-2023 f’Derna, l-Libja biex wassal suldati tal-Forzi Armati u membri tal-Protezzjoni Ċivili. Jiġifieri bastiment li nxtara fl-2005 kien kapaċi jaqdi l-funzjoni li bastiment li ġie inawgurat f’Marzu 2023. Din hi d-differenza fil-ħsieb ta’ bejn bastimenti li nxtraw bi ħsieb, bi skop, u li baqgħu tajbin joperaw sal-lum.

Ammont kbir ta’ suldati qed javviċinaw lill-Partit Nazzjonalista u jesprimu r-rabja tagħhom għall-mod kif il-Gvern Laburista qed itappan is-sagrifiċċji kbar li jagħmlu, waqt li qed jimmina wkoll il-ħidma li jwettqu b’sogru u periklu għalihom, kemm f’Malta kif ukoll meta jsiefru fuq servizz barra mill-pajjiż, ’il bogħod mill-familji tagħhom. Dan, komplew jgħidulna dawn is-suldati, qed jinġieb fix-xejn bl-attitudni tal-politiċi tal-Gvern fl-Armata.

Imma l-giddieb għomru qasir, u ż-żejt issa qed jitla’ f’wiċċ l-ilma, qed jgħidulna s-suldati li qed jitkellmu mal-PN kontinwament.

Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lis-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta għas-servizz tagħhom u jesprimi solidarjetà magħhom.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Forzi Armati ta’ Malta, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Ministru Byron Camilleri, il-Partit Nazzjonalista jtenni s-sejħa tiegħu biex Camilleri jerfa’ r-responsabbiltà u jirriżenja. Quddiem dawn l-iskandli fl-Armata – ewlieni fosthom dak tas-serqa ta’ 200kg droga mill-aktar post suppost sigur fil-pajjiż – il-PN qed jistieden lill-poplu Malti biex nhar il-Ħadd 9 ta’ Marzu jingħaqad miegħu biex jipprotesta fil-Belt Valletta u jsemma’ leħnu dwar id-deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern ta’ Robert Abela – Gvern li falla.

Din l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista ġiet ippublikata mix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott.