Lokali Qorti

Jiffranka tliet snin ħabs fuq dikjarazzjonijiet foloz ta’ pagamenti b’fondi tal-Kummissjoni Ewropea

Raġel residenti Buġibba kellu s-sentenza ta’ tliet snin ħabs sospiża mill-Qorti tal-Appell wara li kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li għamel dikjarazzjonijiet foloz ta’ pagamenti b’fondi tal-Kummissjoni Ewropea.

Antoine Gambin ta’ 46 sena, permezz ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet foloz, irċieva madwar €44,000 aktar mill-Kummissjoni Ewropea milli fil-fatt ħareġ f’pagamenti kif iddikjara. Huwa kien appella fuq il-piena u ma kkontestax il-ħtija.

Il-Qorti tal-Appell laqgħet it-talba tiegħu peress li għandu kondotta nadifa u l-fatt li ddikjara li kien se jrodd lura l-flus li rċieva illegalment. F’isem il-kumpanija Metis Company Limited, huwa kien ingħata €174,011.60 mill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-program Socrates, Minerva Action.

Huwa ngħata dawn il-flus wara li applika għall-proġett edukattiv  Specialised Animated Interactive Learning, “S.A.I.L.”. Għal dan il-proġett kien hemm imsieħba seba’ entitajiet u kumpaniji, fosthom l-Università ta’ Malta u kumpaniji mill-Italja, l-Ingilterra, il-Ġermanja u l-Olanda.

Dan il-proġett ġie ffinalizzat fl-2005. Wara, dan il-proġett intgħażel sabiex isir awdtijar dettaljat fuqu. Meta sar dan l-eżerċizzju, l-awdituri ma sabux aktar minn 79% tad-dokumenti li jsostnu l-infiq li sar kif ġie ddikjarat mal-European Education and Culture Executive (EACEA).

L-awdituri rrakkomandaw li l-kumpanija trodd €135,400 minħabba dawn in-nuqqasjiiet. Il-każ għadda għand l-OLAF, li talbet l-assistenza tal-Pulizija Maltija. Mill-investigazzjoni rriżulta li l-flus mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea għaddew f’kont ieħor, li għalkemm kien f’isem il-kumpanija, il-firmatarja tiegħu kienet persuna oħra.

Għall-ewwel Gambin kien qal li għamel dan minħabba li ma setax iħaddem kont bankarju għax kien għaddej minn każ ta’ separazzjoni. Wara, però, biddel il-verżjoni u qal li kienet il-firmatarja għax dak iż-żmien il-Kummissjoni Ewropea kienet titlob li jkun persuna resposabbli differenti mid-direttur.

Madankollu, din il-persuna xehdet li hi kienet l-kordinatriċi akkademika u Gambin kien jagħmel ix-xogħol kollu l-ieħor. Qalet li hi kienet inkarigata biex tgħin l-għalliema jintegraw il-programm tas-software fil-klassijiet tagħhom.

Numru ta’ msieħba fil-proġett, qalu li fadlilhom flus x’jirċievu għax-xogħol li wettqu. Mill-invesigazzjonijiet irriżulta li Gambin iddikjara li l-imsieħba tħallsu aktar milli fil-verità tħallsu u għalhekk irċieva ftit aktar minn €44,000 aktar milli ħallas.

L-ewwel Qorti nnutat li ma tressqet ebda prova li din id-differenza ġiet imħallsa. Il-Qorti innotat ukoll li hemm pagamenti msemmija li lanqas ħarġet fattura għalihom jew prova li tħallsu bl-ammont indikat fir-rapport finali.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Maġistrati, qieset li l-akkużat kellu kull opportunità li jindirizza l-pożzzjoni tiegħu waqt li kien qed isir l-awditjar billi jippreżenta d-dokumenti, iżda baqa’ ma għamilx dan. Qieset li dan il-proġett twettaq b’ħidmet l-imsieħba li wħud minnhom għadhom qed jistennew il-pagamenti.

Il-Qorti kienet qieset li kkopera mal-Pulizija u l-OLAF. Il-Qorti ħadet konsiderazzjoni li l-akkużat baqa’ ma għamilx kuntatt mal-Kummissjoni Ewropea meta kien imwissi qabel ma bdiet l-investigazzjoni. Huwa għalhekk instab ħati li għamel qligħ għad-dannu tal-komunitajiet Ewropej u li għamel dikjarazzjonijiet foloz.

L-Imħallef Edwina Grima li semgħet l-appell, varjat is-sentenza ta’ tliet snin ħabs għal waħda ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Għal Antoine Gambin deher l-Avukat Jason Azzopardi.