Fil-kampjonat Taljan tas-Serie A, jispikka l-konfront ta’ għada bejn Napoli u Inter. Inter huma l-leaders b’57 punt segwiti minn Napoli li għandhom punt inqas.
Fil-viċin hemm ukoll Atalanta li jinsabu biss tliet punti wara Inter u għalhekk dawn jistennew bil-ħerqa r-riżultat tal-logħba fi Stadio Diego armando Maradona, bit-tama li jkomplu jersqu ‘l fuq fil-klassifika.
U jkunu propju Atalanta li jibdew il-programm tal-lum fejn il-Bergamaschi m’għandhomx ifallu milli jiksbu tliet punti kontra Venezia, tliet punti li jpoġġuhom għal ftit ħin fl-ewwel post daqs Inter.
It-tim immexxi minn Gasperini qisu reġa’ sab il-forma tajba tiegħu wara ż-żewġ diżappunti li kellu kemm fil-Coppa Italia meta kienu eliminat minn Bologna, kif ukoll fil-UEFA Champions league fejn Atalanta tilfu ż-żewġ logħbiet kontra KV Brugge.
Bla dubju li l-attenzjoni kollha hi fuq il-logħba bejn Napoli u Inter, fejn Napoli tilfu punti prezzjużi fl-aħħar logħbiet, fosthom iż-żelqa kontra Como.
Dan ta nifs ġdid lil Inter li wara t-telfa kontra Juventus dehru f’diffikulta, iżda rkupraw tajjeb u fost il-ġimgħa kisbu wkoll post fis-semi finali tal-Coppa Italia meta għelbu lil Lazio u issa jaffrontaw lil Milan fis-semi finali.
Għal Inter issa ġej perjodu ferm impenjattiv bl-impenji taċ-Champions League, u għalhekk jippruvaw ma joħorġux b’idejhom vojta mill-konfront kontra Napoli.
Il-Ħadd f’San Siro Milan jospitaw lil Lazio, fejn ir-Rossoneri jinsabu fi kriżi ta’ logħob u riżultati fejn tilfu l-aħħar żewġ logħbiet fil-kampjonat minbarra l-eliminazzjoni miċ-Champions League.
Conceicao jinsab taħt pressjoni u ma tkunx sorpriża li hu wkoll ma jtemmx l-istaġun fit-tmexxija ta’ Milan.
Tim ieħor f’baħar imqalleb hu dak ta’ Juventus fejn ħolqot sensazzjoni l-eliminazzjoni minn naħa ta’ Empoli fil-Coppa Italia bil-futur ta’ Motta wkoll inċert.
Programm –Illum:
Fiorentina v Lecce
Għada
Atalanta v Venezia
Napoli v Inter
Udinese v Parma
Il-Ħadd
Monza v Torino
Bologna v Cagliari
Genoa v Empoli
Roma v Como
Milan v Lazio
It-Tnejn
Juventus v Verona