Il-Kummissjoni Ewropea (KE) ippreżentat proposta fuq il-projbizzjoni taċ-ċomb fl-isparar u fis-sajd lir-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea fil-Kumitat REACH. Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-KE għamlet pass importanti lejn il-projbizzjoni taċ-ċomb fil-kaċċa, fl-isparar sportiv u fis-sajd billi ppubblikat abbozz ta’ regolament li kien ilu mistenni. Ibbażata fuq irrakkomandazzjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, il-proposta għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.
Iċ-ċomb huwa tossiku ħafna u fl-Ewropa diġà ġie pprojbit mill-petrol, miż-żebgħa u mill-pajpijiet tal-ilma, għax iġorr riskji serji għas-saħħa. Minkejja dan, kull sena 44,000 tunnellata ta’ munizzjon u piżijiet tas-sajd taċ-ċomb jiġu rilaxxati fl-ambjent tal-Ewropa. Din il-kontaminazzjoni inviżibbli qed tavvelena l-ħajja selvaġġa, qed tded saħħitna, qed tikkontamina l-ilma u l-ħamrija, u qed tpoġġi f’periklu lill-annimali dom estiċi u l-bhejjem tagħna.
Il-proposta tinkludi miżuri b’saħħithom biex jonqos ir-riskju li persuna tkun esposta għaċ-ċomb mill-kaċċa u mis-sajd – miżuri li għandhom iwasslu biex jonqsu r-riskji għall-bniedem, għall-ħajja selvaġġa u għall-annimali domestiċi. Il-każijiet ta’ avvelenar miċ-ċomb fl-annimali slavaġ udawk domestiċi għandhom jonqsu sew malli nwaqqfuhom milli jibilgħu biċċiet żgħar taċ-ċomb. Il-projbizzjoni taċ-ċomb fil-kaċċa ukoll se tipproteġi li dawk li jieklu l-laħam tal-għasafar fosthom il-kaċċaturi u l-familji tagħhom flimkien mal-annimali domestiċi li jieklu ikel ikkontaminat miċ-ċomb. Il-projbizzjoni taċ-ċomb mill-piżijiet tas-sajd huwa pass ieħor important li se jipproteġi lis-sajjieda milli jkunu esposti għaċ-ċomb u jipprevjenn i liċ-ċinji, għasafar oħra tal-ilma u speċi oħra milli jispiċċaw avvalenati.
Madankollu, il-proposta tonqos milli tindirizza b’mod effettiv it-tniġġiż miċ-ċomb fl-isport tal-isparar. Rekwiżiti dgħajfa għall-indafa u skadenzi twal se jippermettu li ċ-ċomb jibqa’ fl-ambjent. In-nuqqas ta’ restrizzjonijiet fuq il-balal jiba’ ta’ tħassib minħabba l-kontaminazzjoni tal-ħamrija u l-bniedem se jibqa’ espost. Barra minn hekk, dawn u derogi oħra jistgħu jibqgħu jippermettu l-użu illegali taċ-ċomb. Huwa essenzjali li jingħalqu dawn il-lakuni biex tiġi żgurata projbizzjoni effettiva.
Barbara Herrero, l-uffiċjal għoli tal-politika għall-konservazzjoni tan-natura ta’ BirdLife Europe, ħeġġeġ lir-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea biex jagħlqu l-lakuni u jappoġġjaw projbizzjoni sħiħa bbażata fuq ix-xjenza għall-Ewropa u għaċ-ċittadini tagħha.”
Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kumitat REACH se jiddiskuti u jivvota fuq il-proposta. Ladarba tiġi approvata, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jirrevedu l-abbozz tar-regolament. Jekk ma jkunx hemm oġġezzjonijiet, il-projbizzjoni fuq il-munizzjon u l-piżijiet tas-sajd taċ-ċomb issir liġi.