Ewropa Lokali

“Ma nistgħux naċċettaw tliet snin oħra ta’ inċidenti” – Peter Agius

L-MEP Peter Agius b’reazzjoni għall-aħbar li l-gvern qed jipprepara 17-il building code

L-MEP Peter Agius li f’Diċembru li għadda organizza konferenza fi Brussell dwar il-building codes f’Malta, laqa’ l-aħbar li l-Gvern ħabbar 17-il building codes u qal li din l-aħbar hija konferma ta’ kemm kienet ġusta s-sejħa ta’ Isabelle Bonnici fil-Parlament Ewropew biex Malta tadotta building codes bħalma għamlu diġà l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. L-MEP Agius iżda jinsisti li: ‘Ma nistgħux naċċettaw 3 snin oħra ta’ inċidenti fejn Malta saret l-aktar pajjiż b’inċidenti fil-kostruzzjoni fl-Ewropa kollha.’

Peter Agius qal li: ‘Aħna ċittadini tal-Unjoni Ewropea biex ingawdu mill-istandards u d-drittijiet tagħha. Hija ħasra li l-Gvern ilu snin ikarkar saqajh biex idaħħal building codes tajbin għal pajjiżna. Ġia rajna wisq vittmi u inċidenti. Nappella għall-urġenza biex jidħlu dawn il-building codes mill-aktar fis qabel it-tliet snin imsemmija.’

Peter Agius fakkar ukoll li b’risposta għall-intervent tiegħu fil-Parlament Ewropew, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Sejourne offra l-għajnuna teknika tal-Kummissjoni Ewropea lil Malta biex jiġu mfassla building codes adattati għat-teknika u l-materjali Maltin b’mod li jiġu evitati l-inċidenti fil-kostruzzjoni u qatt aktar ma jkollna każijiet bħal ta’ Miriam Pace u Jean Paul Sofia, u biex il-familji jgħixu fis-sigurtà u s-serenita fi djarhom.