Opinjoni

Opinjoni: Il-ħtieġa li jkun hawn mill-ġdid Fond għall-Pensjonijiet

...bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u min iħaddem

minn Joe M. Zahra

Fl-1948, Gvern Laburista mmexxi minn Pawlu Boffa daħħal għall-ewwel darba f’pajjiżna l-pensjoni tal-anzjanità. Fl-1956 twaqqaf ukoll il-Fond tal-Pensjonijiet  li fih kienu jidħlu kontribuzzjonijiet tal-ħaddiema, ta’ min iħaddem u l-Gvern li kellu jservi biex il-kontribuzzjonijiet jiġu investiti għas-snin futuri. Fl-1979, il-Gvern Laburista mmexxi minn Duminku Mintoff introduċa l-pensjoni taż-żewġ terzi, li kif jista’ jgħid min jeħodha, mhi tażewġ terzi xejn! Mal-introduzzjoni ta’ din il-pensjoni spiċċa l-Fond tal-Pensjonijiet u l-kontribuzzjonijiet bdew jiġu inklużi fid-dħul ġenerali tal-Gvern. Fis-seduta 467 tat-Tlieta 21 ta’ Novembru 2006, waqt id-dibattitu parlamentari dwar ir-riforma fil-pensjonijiet, il-Ministru Louis Galea qal li l-kontribuzzjonijiet tas-siġurtà soċjali ma kinux imorru biss għall-pensjonijiet kif kien tenna l-kelliem Laburista Karl Chircop. Louis Galea qal li minn għanqudha l-liġi tas-siġurtà soċjali kienet taħseb għall-pensjonijiet, għall-pensjonijiet tar-romol, għall-benefiċċji tal-invalidità, għalll-benefiċċji tal-qgħad, għall-benefiċċji tal-mard, għall-benefiċċji tal-korriment u għall-benefiċċji tad-diżabbiltà. Fakkar ukoll li Gvern Laburista kien qal li dawn il-kontribuzzjonijiet iridu jservu għaċchildren’s allowanceu għas-servizzi tas-saħħa. U maż-żmien bdew ikopru ħafna iktar benefiċċji!

Nemmen li kulħadd għadu jiftakar lill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat jgħidilna li jekk ma jkunux il-barranin, li qed jiġu jaħdmu fostna, il-pensjonijiet ma jkunx hemm biex jitħallsu. Ħafna emmnuh u dan wassal biex parti sostanzjali tal-popolazzjoni bdiet tqis lill-anzjani bħala piż fuq is-soċjetà. Iżda mhux hekk!

Li kieku l-kontribuzzjonijiet li jinqatgħu mill-pagi u s-salarji mid-dħul tal-ħaddiema, flimkien ma’ sehem ta’ min iħaddem u sehem il-Gvern imorru f’fond għall-penjonijiet biss, kif kien isir qabel Mintoff iddeċieda li l-Fond tal-Pensjonijiet jinbidel f’Fond tas-Sigurtà Soċjali, kieku jitħallsu l-pensjonijiet kollha u jibqa’ bilanċ ta’ mijiet tal-miljuni fil-fond.

Dan l-aħħar qbadt x’nefaq il-Gvern f’pensjonijiet kontributorji għall-irtirar, invalidità u romol. 14-il benefiċċju.

*Estimi. Sors: L-astratt tad-dħul tal-Gvern kif jidher mill-estimi

Jekk inqabblu r-raba’ u l-ħames kolonna (ara Tabella 1) naraw x’differenza kbira hemm bejn id-dħul mill-kontribuzzjonijiet tas-Siġurtà Soċjali u l-infiq kollu fuq il-pensjonijiet kollha kontributorji. (Iċ-ċifri ttieħdu mill-Abstract of revenue li jidher fl-estimi tad-dħul u l-ħruġ tal-Gvern li jidher mad-diskors tal-Baġit).

Irridu nżommu quddiem għajnejna li meta kien hemm il-Fond tal-Pensjonijiet li spiċċa fl-1979 u nbidel fis-sistema taż-żewġ terzi li daħlet bi skapitu tal-pensjoni tas-servizz, dan kien jaħseb għan-nefqa fil-pensjonijiet tal-irtirar.

*Sa Ottubru. It-total jinkludi l-għotjiet li jekk jinqatgħu għalihom jinżel għal €53,823 miljun. Mid-dħul mill-għotjiet għall-2024 jridu jinqatgħu €93 miljun li kienu għadhom ma daħlux

Kwalunkwe infiq fuq benefiċċji oħrajn kien isir mid-dħul mit-taxxi li jiġbor il-Gvern. Bil-bidla li seħħet fl-1979, il-Gvern beda jħallas mill-Fond tas-Sigurtà Soċjali l-benefiċċji kollha immaġinabbli. Dawk li kien hemm u dawk li bdew jingħataw ġodda.  Iżda anki jekk nieħdu l-benefiċċji kontributorji kollha flimkien, xorta l-Gvern qed idaħħal ferm iktar milli jonfoq (ara Tabella 2).

Hekk pereżempju fl-2021 il-Gvern daħħal mill-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali €1,200 miljun u ħareġ €915 miljun. Fl-2022 daħħal €1,306 miljun u ħareġ €966 miljun. Fl-2023 daħħal €1,412 miljun u ħareġ €1,039 miljun. Li jfisser li dejjem kien għad baqa’ bilanċ. U dan meta qed nieħu f’kunsiderazzjoni mhux biss il-pensjonijiet tal-irtirat, iżda dawk ukoll tal-invalidità, tar-romol, benefiċċji dwar korrimenti industrjali, benefiċċji tal-qgħad, tal-maternità, tal-mard, ‘allowances’ tal-orfni, għotja taż-żwieġ u l-benefiċċji li kienu ngħataw fi żmien tal-COVID-19.

Li kieku jitwaqqaf fond għal dan kollu, fond imexxi minn bord apposta li fuqu jkun hemm rappreżentati  l-ħaddiema, min iħaddem u l-Gvern, kieku l-affarijiet imorru aħjar. Kieku dak li jibqa’ bejn dak li jinġabar mill-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali u dak li jitħallas f’pensjonijiet u benefiċċji jiġi investit u hekk minbarra li jitħallsu ż-żidiet u t-titjib li jsir, mingħajr ma naħsbu li dawn qed iqassamhom il-Gvern mill-ġenerożità tiegħu, jibqa’ miljuni għall-investiment biex il-fond jikber u jagħmel tajjeb għal-żminijiet li jistgħu ma jkunux daqshekk tajbin.

Dak li mhux kontributorju, dak li l-poplu ma jħallasx għalih, għandu jkun kollu fuq il-Gvern. Wara kollox għalhekk fl-aħħar 12-il sena, il-Gvern ġabar mill-‘income tax’ u l-VAT €31 biljun (ara Tabella 3) biex jagħmel tajjeb għall-edukazzjoni, is-saħħa, is-servizzi soċjali u l-amministrazzjoni pubblika!

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 28 ta’ Frar, 2025.