Raġel ta’ 30 sena residenti x-Xagħra, Għawdex, ġie arrestat wara li nstab fil-pussess ta’ 300 gramma sustanza allegatament kokaina, b’valur fis-suq li jaqbeż it-€30,000.
Ir-raġel kien arrestat il-Ħamis waqt li l-Pulizija kienu qegħdin iwettqu spezzjonijiet fi Triq ix-Xatt, Għajnsielem, fit-tlieta ta’ waranofsinhar. Ir-raġel, li kien nieżel minn fuq vapur fil-Port tal-Imġarr, beda jaġixxi b’mod suspettuż xħin lemaħ lill-Pulizija. Għaldaqstant, avviċinawh u fi tfittxija li saret fuqu, f’pouch li kien marbut ma’ qaddu, il-Pulizija sabu pakkett tal-plastik imdawwar b’tape kannella li kien fih sustanza bajda, suspettata droga kokaina.
Ir-raġel ġie arrestat minnufih, u ttieħed l-għassa għall-interrogazzjoni u wara ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija, ir-Rabat, Għawdex.
ll-Maġistrat Brigitte Sultana ġiet infurmata bil-każ u fetħet Inkjesta Maġisterjali.
Il-Ġimgħa waranofsinhar, ir-raġel tressaq b’arrest fil-Qorti ta’ Għawdex quddiem il-Maġistrat Simone Grech fejn kien akkużat b’pussess u traffikar ta’ droga. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi, madankollu baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>