Lokali

Robert Abela u Clyde Caruana jilħqu rekord ġdid ta’ dejn għal Malta – PN

Id-dejn fl-aħħar ta’ Jannar 2025 qabeż sew l-€10.5 biljuni, minkejja li l-Gvern ma ħareġ bl-ebda soluzzjonijiet għall-problemi ta’ pajjiżna

Minkejja li l-Gvern ta’ Robert Abela baqa’ ma ħareġ bl-ebda soluzzjoni għall-akbar problemi ta’ Malta u Għawdex, fosthom il-qerda ambjentali, it-traffiku, l-għoli tal-ħajja u l-problemi infrastrutturali fl-edukazzjoni u s-saħħa, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana rnexxielhom ikomplu jżidu ir-rekord tal-akbar ammont ta’ dejn li pajjiżna qatt kellu fl-istorja tiegħu.

Dan ikkonfermah l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika hekk kif ċifri li ġew ippubblikati fl-aħħar jiem juru kif id-dejn tal-pajjiż qabeż l-€10.5 biljun. Il-Prim Ministru Robert Abela huwa responsabbli għal nofs dan id-dejn kollu, bi ftit li xejn għandu x’juri għalih. Pajjiżna kellu dejn ta’ ftit iktar minn ħames biljun ewro meta Abela ħa post Joseph Muscat. Dan ifisser li d-dejn taħt Robert Abela aktar milli rdoppja. Robert Abela sar sinonimu mad-dejn. Fl-aħħar sena Robert Abela għamel 803 miljun ewro dejn!

Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia kif ukoll ix-Shadow Minister għall-Finanzi Graham Bencini qalu li l-Gvern kompla jberbaq il-flus tat-taxxi tal-poplu u f’Jannar biss nefaq 50 miljun ewro iktar milli nefaq f’Jannar tas-sena l-oħra. Dan waqt li tal-qalba jkomplu jitħanżru, kif qalu esponenti tal-Gvern stess.

Dan ir-rekord ta’ dejn qed iwassal għal rekord ieħor – dak fuq l-imgħax li qed ikollu jħallas il-Gvern mit-taxxi tal-poplu. Fil-fatt, il-poplu qed iħallas madwar €710,000 kuljum f’interessi biss fuq id-dejn.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif stħarriġ fost imprendituri ewlenin sab li d-deterjorazzjoni tal-qagħda politika u regolatorja qed tagħmel minn Malta pajjiż inqas attraenti għall-investiment.

Iż-żieda sostanzjali fid-dejn ċertament li ma tgħinx biex toffri stabbiltà u serħan tal-moħħ u dan huwa fattur li jikkontribwixxi wkoll għall-fatt li, kif wera l-istħarriġ, inqas investituri huma komdi jinvestu iżjed f’pajjiżna.