Eks priġunier li tkellem mal-editur tal-gazzetta il-mument saħaq kif meta wieħed jeskonta sentenza ta’ ħabs, minflok joħroġ minn hemm ġew riformat, jispiċċa joħroġ agħar milli daħal. Dan meta l-ebda priġunier mhu jingħata l-għajnuna meħtieġa biex ibiddel ħajtu, u agħar minn hekk qed jgħixu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qalb il-wirdien u riħa ta’ dranaġġ, fost affarijiet oħra.
Dan jikkonferma l-għadd ta’ artikli li Net News ippubblika fl-aħħar xhur dwar il-kundizzjonijiet miżeri u inumani li l-priġunieri qed jgħixu fihom ta’ kull jum li jgħaddi ġewwa l-ħabs ta’ Kordin.
Intervistat mill-editur Joe Mikallef u li ġiet ixxandra matul il-programm Opinjoni, l-eks priġunier, Jean Paul Azzopardi ta’ 31 sena minn Bormla saħaq kif il-ħabs mhux qed iservi l-iskopijiet tiegħu.
“Il-ħabs qiegħed biex tirriforma ruħek,” qal Azzopardi. “Mela inti żbaljajt, pattejt għal għemilek, dħalt il-ħabs u suppost toħroġ aħjar milli kont. Imma minflok toħroġ agħar milli kont. Għajnuna m’hemmx. Ikissruk mentalment, fiżikament, u jkissrulek anke l-familja.”
Huwa saħaq li bħal ħafna priġunieri oħra jixtieq jirriforma ruħu iżda mhu qed isib l-ebda għajnuna.
“Jiena nixtieq nitgħallem imma mhumiex jgħinuni biex nitgħallem,” qal Azzopardi. “Ma ssibx għajnuna. Jgħidulek ħa jgħinuk biex jidhru quddiem il-midja imma kif jidhru, ma tarahomx iktar b’għajnejk.”
U dan kollu apparti l-kundizzjonijiet inumani li jkollhom jgħixu fihom.
“Iċ-ċelel huma [addattati għal] persuna waħda, imma peress li l-kriminalità f’pajjiżna żdiedet, kif kulħadd jaf, dawruhom għal żewġ min-nies billi daħlu bunk beds. Apparti li dawn huma mimlijin bil-wirdien, riħa ta’ dranaġġ, u umdità kbira.”
Azzopardi kkonferma wkoll li kull ċella għandha tliet kameras joperaw 24 siegħa kuljum, inkluż waħda fuq it-toilet.
“Diviżjoni 6, fiċ-ċella, għandek tliet kameras fuq rasek. Waħda tiġi eżatt fuq it-toilet. Għandek oħra fuq is-sodda ta’ fuq u oħra fuq t’isfel. Huma jgħidulek għax jibżgħu minħabba xi suwiċidju. Mihiex vera. Inti tagħmel suwiċidju, kif kemm-il darba ġara, titfgħu f’kamra waħdu.”
Bil-priġunieri lanqas biss jingħataw imqar panadol għaliex ikunu muġugħa.
“Iċċempillhom il-qanpiena biex titlobhom panadol jgħidlek ma nistax intik, stenna sa filgħodu,” qal Azzopardi. “Għalfejn din il-kattiverija? Il-priġunier jiqba’ bniedem, irrelevanti x’għamel. Individwu jibqa’ individwu.”
Tkellem ukoll dwar żmien iebes taħt it-tmexxija tal-Kurunell, Alex Dalli.
“Jien għalija qatt ma rajt persuna agħar mis-Sur Dalli,” qal Azzopardi. “M’għandi xejn kontrih imma dak għalija l-agħar persuna li qatt kien hemm fil-ħabs, irid jiġġieled ma’ kulħadd, jitkessaħ, jisfida lill-inmates u jgħajrek. Għalfejn qatt ma ħadu azzjoni fuqha din ta’ Dalli?”
Numru ta’ priġunieri mhux l-ewwel darba li tkellmu magħna dwar din is-sitwazzjoni fil-ħabs ta’ Kordin, bis-sitwazzjoni mhux talli ma titjiebx, iżda minflok il-priġunieri li jitkellmu mal-midja jispiċċaw jiġu kkastigati.