Lokali

“F’ċirkostanza straordinarja kellu jsir ftehim bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra” – David Agius

“Jien kont nippretendi li f’ċirkostanza straordinarja bħalma kellna, iż-żewġ naħat ipoġġu ma’ mejda qabel is-seduta u niftehmu x’se jiġri. Mela le ma nilħqux ftehim.”

Kien dan li qal id-Deputat Speaker, David Agius waqt dibattitu li kellu mal-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, Naomi Cachia fil-programm Id-Dibattitu mmexxi minn Manuel Micallef meta kienu qed jiddiskutu L-Etika Parlamentari.

Huma kienu qed jitkellmu dwar dak li seħħ fil-Parlament Malti fl-aħħar jiem meta l-Oppożizzjoni talbet biex il-Kamra tad-Deputati tiddiskuti s-serqa ta’ 226 kilogramma mill-iktar post sikur f’pajjiżna. Xi ħaġa li l-membri tal-Gvern irrifjutaw li jsir.

David Agius qal li jeħtieġ li togħla l-kwalità tal-Kamra tad-Deputati u dan jista’ jsir permezz ta’ tibdil sempliċi.

“Biex jitneħħew [l-ispeaker u d-deputat speaker] għandu jkun hemm iż-żewġ terzi tal-kamra. Ħlali l-ebda persuna li tkun f’dik il-pożizzjoni jieħu d-deċiżjoni l-ġusta bla ma jibża’ li jitneħħa. U hemmhekk nagħmlu l-qabża ta’ kwalità.”

Nhar it-Tlieta fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech qal li l-Prim Ministru qed jibqa’ jappoġġja lil Byron Camilleri iżda jinsab sieket dwar il-226 kilogramma droga li tinsab fis-soċjetà wara li kienet misruqa mill-Forzi Armati Maltin.