Lokali

Il-ġurati jiġu indirizzati mill-Imħallef dwar il-qtil ta’ Brandon Pace qabel jibdew jiddeliberaw

Il-ġurati assenjati fil-ġuri dwar il-qtil ta’ Brandon Pace qattgħu l-jum tas-Sibt jisimgħu dak li kellu xi jgħid l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qabel nhar it-Tnejn jidħlu jiddeliberaw b’rabta ma’ dan l-omiċidju.

L-Imħallef se jkompli jindirizza lill-ġurati nhar it-Tnejn għal madwar siegħa oħra biex imbagħad wara jiddeliberaw sabiex jingħata l-vot finali dwar jekk Joseph Grech ta’ 61 sena u ibnu Kurt ta’ 31 sena humiex ħatja għal dan id-delitt li seħħ f’April tal-2017 fil-Ħamrun.

Għall-Ħadd, l-Imħallef għażel li ma jsir xejn b’rabta ma’ dan il-ġuri bħala mod ta’ serħan għall-ġurati.

Żewġ skiken ta’ 19-il ċentimetru l-wieħed li kienu bid-demm instabu viċin ir-residenza tal-akkużati ġewwa sprall. Dawn instabu meta l-Pulizija marru biex tagħmel analiżi forensika fuq żewġ karozzi f’Tal-Pietà. Wara li sabu tiċpis kemm fuq il-karozzi u ma’ l-art peress li kien id-dlam il-Pulizija xegħlu ‘torch’ fuq sprall li kien imċappas b’likwidu aħmar u ġo fiħ kien hemm żewġ skieken.

Sadanittant mix-xhieda tat-tobba ħareġ li l-vittma Brandon Pace qala’ xejn inqas minn 16-il daqqa ta’ sikkina li kollha kienu fatali, anke jekk dik li swietlu ħajjitu kienet d-daqqa li nifditlu qalbu. Fil-Qorti ntwerew ritratti xokkanti tas-sura tal-vittma kif kien inqas minn siegħa u nofs li nqatel. Katavru miksi bid-demm u ġrieħi ma kullimkien. Intwerew ukoll ritratti tal-akkużati li kellhom ftit ġrieħi li kienu ħfief.