Lokali

L-Arċipriet tal-Belt jakkuża lis-Sindku Olaf McKay u l-Kunsillier Raymond Azzopardi li gidbu dwaru

L-Arċipriet tal-Belt Valletta, David Cilia, akkuża lis-Sindku tal-Belt u lil wieħed mill-kunsilliera lokali, li xehdu b’mod falz billi gidbu dwaru.

Din il-kwistjoni tikkonċerna tender għar-restawr tal-knisja ta’ San Pawl fil-Belt Valletta. Cilia kien allega li xi membri tal-Kunsill tal-Belt Valletta gidbu taħt ġurament f’seduta tal-Public Contracts Review Board (PRCB) dwar l-istess offerta.

Hu akkuża wkoll lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali Gabriella Agius li amministrat t-tender għax-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni hekk kif il-familja tagħha, li huma s-sidien ta’ Agius Stoneworks Ltd, rebħu t-tender ta’ €164,000.

F’ittri uffiċjali li ntbatu lis-sindku Olaf McKay u lill-kunsillier Raymond Azzopardi, l-Arċipriet akkużahom li gidbu dwaru, u li dan influwenza d-deċiżjoni talPRCB. Hu żammhom responsabbli għal dak li qalu, filwaqt li tahom tlett ijiem biex jiddikjaraw pubblikament li dak li qalu lill-PCRB kien falz, u biex jibagħtu d-dikjarazzjoni tagħhom lill-PCRB.

Dan seħħ wara li l-ġimgħa l-oħra l-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista tal-Belt Valletta ħarġu mil-laqgħa urġenti wara li l-Kunsillier Laburista Alfred Zammit allega każ ta’ kunflitt ta’ interess li kien jinvolvi tender għar-restawr tal-knisja ta’ San Pawl tal-Belt.

Il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista sostnew li l-allegazzjonijiet kienu serji, u li m’għandhomx jiġu injorati.