Stewart Said
SAN ĠILJAN JP PROJECTS……. 9
NEPTUNES BEST GYMS………. 9
(5-1), (2-2), (1-3), (1-3)
(Neptunes rebħu 4-2 bl-għoti tal-penalties)
Neptunes Best Gyms għamlu dak li ftit ħasbu li setgħu jagħmlu. Huma rnexxielhom jirkupraw żvantaġġ kbir ta’ sitt gowls u rebħu l-logħba bl-għoti tal-penalties biex kisbu żewġ punti li dehru mitlufa. Diżappunt kbir għal San Ġiljan li tilfu logħba minn idejhom wara li kellhom kontroll assolut. Huma ma għarfux jikkontrollaw il-logħba meta kellhom kollox favur tagħhom u stenbħu biss meta ntlaħqu.
San Ġiljan bnew vantaġġ doppju b’gowls ta’ Ben Plumpton u l-eks Jeremy Abela sakemm penalty ta’ Stevie Camilleri naqqas id-distakk. Il-Ġiljaniżi ħadu r-riedni tal-logħba u b’doppjetta ta’ Nikolai Zammit u gowl ta’ Nico Schiavone temmew is-sessjoni 5-1.
Dan il-vantaġġ saħansitra kiber għal 7-1 b’żewġ gowls oħra tax-xellugi Nikolai Zammit. Neptunes naqqsu d-distakk għal erba’ gowls sa tmiem it-tieni sessjoni iżda l-gowl tat-8-3 fit-tielet sessjoni skorjat minn Jake Bonavia deher li seta’ jwitti t-triq għar-rebħa Ġiljaniża.
B’San Ġiljan jirrilassaw ftit, Neptunes ħadu vantaġġ u qatgħu d-distakk għal 8-6 biex reġgħu feġġew tamiet li setgħu jirkupraw il-logħba. Ir-rimonta ta’ Neptunes kompliet fl-aħħar sessjoni u saħansitra rnexxielhom jannullaw l-iżvantaġġ b’gowls ta’ Sam Gialanze u l-captain Stevie Camilleri.
San Ġiljan stenbħu u reġgħu ħadu vantaġġ minimu b’gowl ta’ Bonavia minn man-up wara li tkeċċa għat-tielet u l-aħħar darba Camilleri. Madankollu pronta kienet ir-risposta b’gowl sabiħ ta’ Mark Castillo u l-logħba kellha tkun deċiża bl-għoti tal-penalties.
Hawn spikkaw il-preċiżjoni ta’ Neptunes li skorjaw l-erba’ penalties minn Sam Gialanze, Luigi Mallia, Enrico Mallia u Mark Castillo. Għal San Ġiljan skorjaw Nikolai Zammit u Jeremy Abela, ix-xutt ta’ Darren Zammit ħabat mal-mimduda u x-xutt ta’ Matthew Zammit ġie salvat minn Matthew Castillo.
San Ġiljan: M. Bonello du Puis, D. Bugeja, D. Tully, G. Bonavia, R. Caruana, M. Zammit, J. Bonavia (2), B. Plumpton (1), J. Abela (1), N. Zammit (4), D. Zammit, N. Schiavone (1), M. Xerri, L. Dimech
Neptunes: M. Castillo, E. Mallia, S. Gialanze (2), L. Mallia, J. Camilleri, J. Valletta, S. Camilleri (4), M. Castillo (3), S. Mifsud, J. Bajada, A. Fava, M. Azzopardi, S. Bonetti, M. Ellul
Referees: Massimo Angileri, Alex de Raffaele
Kif Jinsabu
Kampjonat Premier
L R D T F K Pti
San Ġiljan 3 2 1 0 40 26 7
Neptunes 3 1 2 0 37 28 7
Sirens 3 2 1 0 25 20 7
Sliema 3 1 1 1 31 22 4
Valletta 3 0 1 2 29 46 2
Birżebbuġa 3 0 0 3 22 42 0
* 2 punti għar-rebbieħ u punt għat-tellief jekk logħba tintemm draw u tiġi deċiża bil-penalties
Logħob li jmiss
Kampjonat Premier
Il-Ġimgħa 7 ta’ Marzu
Sirens v San Ġiljan 8.20pm
Is-Sibt 8 ta’ Marzu
Valletta v Birżebbuġa 4.10pm
L-Ewwel Diviżjoni
Il-Ġimgħa 7 ta’ Marzu
Otters v Exiles 6.00pm
M’xlokk v Barracudas 7.10pm
Is-Sibt 8 ta’ Marzu
Ta’ Xbiex v Marsaskala 3.00pm
//= $special ?>