Lokali

“Protesta b’għajta favur id-drittijiet tal-poplu” – Alex Perici Calascione

“Hemm bżonn li l-ġurnalisti jiġu protetti bil-liġi waqt li jkunu qed jagħmlu xogħolhom”.

Dan intqal mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Perici Calascione l-Ġimgħa filgħaxija waqt il-programm NET Live b’risposta għall-aggressjoni li seħħet lejn il-ġurnalisti quddiem il-Qorti b’rabta mal-każ tas-serqa ta’ 226kg droga mill-barracks tal-AFM.

Dwar dan il-każ, Perici Calascione sostna dwar kemm hu ta’ tħassib meta wieħed jiftakar l-abbuż tad-droga li qed iseħħ f’pajjiżna, u agħar minn hekk issa hemm droga misruqa li qed tiġi mas-saqajn… serqa li seħħet mill-iktar post sikur f’pajjiżna.

Perici Calascione fakkar kif meta tela’ gvern Laburista fl-2013, dan dgħajjef l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, inkluż l-AFM hekk kif huma għamlu ‘wipe-out’ tal-għola uffiċjali li kellhom esperjenza u integrità.

Hu sostna kif l-gvern qed joħloq periklu kbir billi laħħaq persuni f’karigi għoljin meta dawn mhux neċessarjament kellhom il-kwalifiċi neċessarji.

U b’rabta ma’ dan kollu, Alex Perici Calascione tkellem ukoll dwar l-importanza li kulħadd jattendi l-protesta li se ssir fi tmiem il-ġimgħa d-dieħla, li waqtha l-Partit Nazzjonalista se jistqarr li din is-serqa hija biss eżempju wieħed minn ħafna tal-għadd ta’ inkompetenzi min-naħa tal-Gvern Laburista.

It-titlu tal-protesta “Il-Gvern li Falla” juri kif dan il-falliment tal-gvern wassal biex id-drittijiet tal-poplu Malti jittieħdu minn idejna, u b’din il-protesta kull min jattendi se jkun qed jiġġieled għad-drittijiet tiegħu stess.

Perici Calascione sostna li l-Partit Nazzjonalista irid ikun il-vuċi tal-Maltin u l-Għawdxin kollha għall-ġid tal-pajjiż.

Hu temm billi sostna li dan jista’ jsir biss billi l-poplu jingħaqad f’għajta waħda waqt il-protesta li se ssir il-Ħadd 9 ta’ Marzu fit-3pm li se tibda minn quddiem il-Parlament.