Lokali

“Tkellimt għax ma ridtx li t-tfal jibqgħu għaddejjin minn dan l-istress” – Joanna Mallia

Fl-aħħar jiem qamet kwistjoni sħiħa sempliċiment għax għalliema tal-matematika, Joanna Mallia esprimiet tħassib serju dwar is-sistema l-ġdida tas-SEC waqt programm televiżiv. Dan wara li fl-aħħar xhur kienet ħarġet ċirkolari mill-Ministru Clifton Grima fejn l-għalliema ttieħdilhom id-dritt milli jitkellmu dwar il-professjoni tagħhom fuq il-midja.

Mistiedna waqt Andrew Azzopardi on RTK103, Joanna Mallia qalet li hi temmen li għandha tkun libera li tesprimi l-opinjoni tagħha.

“Jien miniex nirrapreżenta lill-iskola imma lili nnifsi,” qalet Mallia. “Ma ridtx li dawn it-tfal jibqgħu għaddejjin minn dan l-istress.”

Matul din il-ġimgħa, Mallia ġiet imwissija mill-iskola fejn taħdem – eżatt wara li qasmet l-opinjonijiet tagħha fuq it-televiżjoni – biex darb’oħra titlob permess biex tmur titkellem pubblikament. B’rabta ma’ dan, l-MUT bdiet petizzjoni nazzjonali sabiex titneħħa din il-forma ta’ ċensura.

Joanna Mallia qalet li ġieli jiġu ġranet fejn l-istudenti jkollhom ħames assessjar f’ġurnata waħda, b’dan qed joħloq stress kbir minflok jiffokaw fuq l-edukazzjoni.

“Jistaqsuni, Miss dan assessment?” qalet Mallia. “Allura hemm biża’ kontinwa. Hemm min jibża’ u ma jiġix l-iskola.”

Dan apparti li fakkret kif hemm numru ta’ tfal bi problemi personali, b’dan l-assessjar kontinwu żgur mhux forsi mhux qed jgħinhom.

“Ma rridux ninstew li hemm tfal bi problemi d-dar u allura jispiċċaw ma jġibux il-massimu tal-marki,” qalet Mallia.

Il-Partit Nazzjonalista minn naħa tiegħu kkundanna bis-saħħa kull intimidazzjoni li qed issir fuq l-għalliema.