Basketball Sport

BOV Knock-Out Irġiel Finali: It-tielet suċċess konsekuttiv għal Starlites JSD

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Starlites JSD……..75

Hibernians………74

(13-18)(18-10)(22-26)(22-20)

Din il-partita offriet eċitament mill-aqwa lill-folla mill-isbaħ li attendiet għal din il-finali bejn Starlites JSD u Hibernians. Il-partita ġiet deċiża bi trippla tal-Amerikan Ben Curran ta’ Starlites fl-aħħar sekonda fejn sa’ tlett minuti qabel, Hibernians fetħu vantaġġ ta’ 10 punti. Però l-logħba tal-basketball toffri dawn l-emozzjonijiet fejn saħansitra l-istess Curran kien ipprova seba’ three pointers oħra qabel però xorta ħa r-responsabbilta li jieħu l-aħħar shot tal-partita li ta r-rebħa lil Starlites. Il-partita fetħet bl-ewwel run ta’ 9-0 minn Hibernians bil-punti ta’ Ivan Demcesen, Tederick Wolfe u trippla ta’ Derek Brown. L-ewwel risposta ta’ Starlites ġiet minn Ian Felice Pace u komplew bil-punti ta’ Curran u Trevon Reddish u trippla ta’ Felice Pace. Hibs wieġbu bi trippla ta’ Matthew Gouder fi break qasir ta’ 7-1 qabel ma Reddish għamel l-aħħar żewġ baskets għal skor ta’ 13-18. Starlites qalbu r-riżultat fil-bidu tat-tieni sessjoni bil-punti ta’ Reddish u Kurt Xuereb. Iż-żewġ timijiet wieġbu lil xulxin fosthom bi trippla ta’ Xuereb għal Starlites biex fis-sitt minuta kien hemm parita ta’ 24-24. Starlites marru fuq quddiem wara punti ta’ Curran u Scerri u żammew il-vantaġġ sal-intervall 31-28.

Hibs fetħu tajjeb fit-tielet sessoni meta għamlu 8 punti mingħajr risposta b’baskets ta’ Demcesen u trtippla ta’ Wolfe. Starlites kellhom żewġ trippli konsekuttivi minn Scerri u Xuereb però Hibs ukoll għamlu run ta’ 9-0 biex marru 47-39 minn fuq. Starlites irkupraw bi break ieħor ta’ 12-2 bi trippla ta’ Felice Pace biex marru basket minn fuq 51-49. Madankollhu Hibs irnexxielhom itemmu l-perjodu fuq quddiem 54-53 wara trippla u basket ta’ Brown. Fl-aħħar sessjoni, Hibs għamlu run oħra ta’ 13-3 bil-punti ta’ Neil Cassar u Demcesen fost l-oħrajn biex fis-seba’ minuta fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 70-60. Minkejja dan, Starlites ma qatgħux qalbhom u kienu huma li għamlu run ta’ 10-0 bi trippli minn Felice Pace u Scerri biex għamlu l-iskor indaqs 70-70. Hawn l-eċitament laħaq il-qofol tiegħhu u wara minuta bla punti, trippla ta’ Matthew Gouder poġġiet lil Hibs minn fuq 73-70 fl-aħħar 27 sekonda. Reddish għamel żewġ free-throws però Gouder għamel wieħed minn tnejn u 18 -il sekonda mit-tmiem kienu 74-72 minn fuq. Hawn Hibs għamlu turnover fatali hekk kif il-ballun wasal għand Curran li għamel it-trippla tar-rebħa u tefa’ lill-partitarji ta’ Starlites f’dellirju ta’ ferħ hekk kif huma ħarġu rebbieħa 75-74. Fi tmiem il-partita, Ernest Agius, Chief Operations Officer fil-Bank of Valletta flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat ppreżentaw il-medalji lil players ta’ Starlites u l-unur tal-MVP lil Benjamin Curran. Finalment, il-captain ta’ Starlites Ian Felice Pace għolla t-trofew fost il-briju tal-partitarji ta’ Starlites hekk huma ċċelebraw it-tieni unur tal-istaġun.

Starlites JSD:  B. Curran 11, S. Aquilina, A. Aquilina , K. Fabri, I. Felice Pace 12, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 16, C. Paul, K. Xuereb 13, N. Sultana, T. Reddish 23.

Hibernians: N. Cassar 4, T. Wolfe 21, D. Brown 19, P. Attard, L. Attard, L. Farrugia, A. Axiaq 2, M. Gouder 12, M. Attard 1, M. Mallia, I. Demcesen 15, S. Simic.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Nestor Rincon