Internazzjonali

Gaza: Kriżi ta’ għajnuna…fost id-diżgwid profond bejn Iżrael u l-Ħamas

Iżrael qed jagħlaq l-aċċess għall-għajnuna umanitarja lill-Palestinjani ta’ Gaza, fost il-pressjoni biex il-grupp terroristiku Ħamas jaqbel dwar il-pjan tal-Istati Uniti rigward estensjoni tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied fit-territorju.

L-ewwel fażi ta’ dan il-ftehim skada nhar is-Sibt u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qal li l-Ħamas qed jirrifjuta għal estensjoni temporanja tal-patt, skont il-proposta mressqa minn Steve Witkoff, bħala r-Rappreżentant tal-Istati Uniti.

Il-kelliema għall-Ħamas qalu li l-imblokk għall-provvisti meħtieġa lill-familji f’Gaza qed jitqies bħala forma ta’ ‘rikatt’ min-naħa ta’ Iżrael. Il-Ħamas anki akkuża lil Iżrael b’li mar lura minn kelmtu skont il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied, fost l-appelli biex il-medjaturi jgħinu lejn soluzzjoni tal-kriżi umanitarja,

Il-membri tal-Ħamas iridu li t-tieni fażi tal-ftehim iseħħ ‘skont il-pjan oriġinali’ u li jesiġi għall-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani u l-priġunieri Palestinjani, fost proċess li jelenka wkoll għall-irtirar tal-qawwiet Iżraeljani minn Gaza.

Il-Ħamas, qabel, qal li ma kellux jaqbel dwar estensjoni tal-‘ewwel fażi’ tal-ftehim mingħajr il-garanziji tal-medjaturi ewlenin – l-Istati Uniti, il-Qatar u l-Eġittu – li ‘kollox jinsab lest’ għat-tieni fażi karatterizzata bil-ħelsien tal-ostaġġi u l-priġunieri.

Intant, ir-rapporti minn Iżrael qalu li l-Gvern ta’ Netanyahu qabel mal-proposta tal-Istati Uniti biex il-fażi preżenti tal-waqfien mill-ġlied tkompli anki waqt il-perjodu tar-Ramadan għall-Musulmani u l-perjodu ta’ ‘Passover’ għal-Lhud. Iżrael wissa wkoll li jekk.fl-aħħar ta’ dan il-perjodu, in-negozjati jibqgħu staġnati, hu qed jirriserva d-dritt biex jirritorna fit-triq tal-gwerra mal-Ħamas.