Sport Sport Ieħor

Il-Kumitat Olimpiku Malti iffirma l-ftehim sabiex jospita il-45 Seminar tal-Kumitati Olimpiċi Ewropej

Wara li l-Kumitat Olimpiku Malti ħabbar ir-rebħa biex jospita l-45 Seminar tal-Kumitati Olimpici Ewropej (KOE) f’Ottubru li ġej, illum ġie ffirmat formalment dan il-ftehim. Dan seħħ lejn it-tmiem tal-54 Assemblea Ġenerali tal-KOE f’Frankfurt, il-Ġermanja.

Il-ftehim ġie ffirmat mill-President, li ġie elett mill-ġdid,  Spyros Capralos u mis-Segretarju Ġenerali li se jkun qed itemm il-kariga tiegħu, Raffaele Pagnozzi, f’isem il-Kumitati Olimpici Ewropej, u mill-President Julian Pace Bonello u s-Segretarju Ġenerali Kevin Azzopardi f’isem il-Kumitat Olimpiku Malti (KOM).

L-organizzazjoni tas-Seminar tal-KOE – li huwa skedat li jsir bejn it-3 u l-4 ta’ Ottubru 2025 – issegwi l-organizzazzjoni b’suċċess tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa f’Malta fl-2023 u se jkun parti minn sensiela ta’ avvenimenti internazzjonali li Malta se tospita fil-perjodu li jwassal għaċ-ċelebrazzjonijiet taċ-ċentinarju tal-KOM fl-2028.

Dan is-Seminar se jinkludi l-parteċipazzjoni tal-Kumitati Olimpici Nazzjonali kollha tal-Ewropa. Huwa mistenni wkoll li l-President il-ġdid tal-KOI, li se jiġi elett aktar tard dan ix-xahar, jattendi għall-avveniment f’Malta.

Julian Pace Bonello, President tal-Kumitat Olimpiku Malti, iddikjara li: “Il-firmar ta’ dan il-ftehim jimmarka pass ieħor importanti għall-Kumitat Olimpiku Malti u jssaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiz li jospita avvenimenti sportivi internazzjonali ewlenin. Wara s-suċċess tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa fl-2023, huwa ta’ unur għalina li nilqgħu rappreżentanti tal-Kumitati Olimpici Ewropej gewwa pajjiżna. Dan l-avveniment se jiġbor flimkien l-partijiet interessati ewlenin fl-isport Ewropew u se jipprovdi pjattaforma eċċellenti għall-kollaborazzjoni, diskussjoni u żvilupp kontinwu tal-Moviment Olimpiku. Hekk kif nibnu lejn iċ-ċelebrazzjonijiet taċ-ċentinarju tagħna fl-2028, ninsabu ħerqana li noffru esperjenza eċċezzjonali lill-parteċipanti kollha.”