Internazzjonali

L-Ewropa qed taħseb fl-ewwel passi lejn alleanza ta’ difiża aktar soda u konkreta….mingħajr il-‘garanziji’ tal-Istati Uniti

 

L-Istati Uniti, taħt it-tmexxija tal-President Donald Trump, qed tidher li mhix se tibqa’ marbuta aktar mal-garanziji tas-sigurtà għall-Ewropa waqt li qed tavviċina aktar lir-Russja ta’ Vladimir Putin….Dan ifisser li l-Ewropa tallum qed ikollha tħares lejn realtà ġdida – u l-ħtieġa li, flimkien mar-Renju Unit u x’aktarx il-Kanada, tifforma alleanza ta’ difiża ‘kollettiva’ mingħajr l-impenn tal-Amerikani….Realtà li qed tiżviluppa wara madwar 80 sena ta’ kooperazzjoni Transatlantika li baqgħet partikularment soda waqt l-era tal-Gwerra Bierda.

Il-gwerra tal-Ukrajna, għaldaqstant, dieħla fl-aktar fażi delikata u imprevedibbli meta l-Istati Uniti x’aktarx li ma tkomplix tipprovdilha l-armamenti u l-fondi għad-difiża….Sitwazzjoni li saret aktar evidenti  wara l-laqgħa rabbjuża tal-Ġimgħa, fil-White House, bejn il-President Trump u l-President Ukren, Volodymyr Zelensky…Laqgħa li ntemmet bl-għajjat u l-battibekki u fejn Zelensky tkeċċa mill-White House wara li rrifjuta li jiffirma ftehim għall-paċi li, fi kliemu, kien se jifforixxi bil-kbir lir-Russja.

Intant, it-tlett snin ta’ konflitt fl-artijiet Ukreni qed ikunu evalwati b’sens dejjem akbar ta’ allarm mill-Punent u l-Ewropa. Dan meta l-Mexxejja tal-Istati Ewropej bħalissa jinsabu f’Londra għal summit ta’ kriżi li fih qed jiddiskutu s-sigurtà u l-appoġġ lill-Ukrajna. Għal dan is-summit kienu mistiedna anki r-Rappreżentanti tal-Kanada, in-NATO u t-Turkija.

Qabel is-summit, il-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer,  kellu laqgħa mal-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni, u fejn huma ftehmu li ‘il-Punent – u partikularment l-Ewropa – iridu dejjem jibqgħu magħqudin fid-dawl tal-isfidi ġodda u t-tkattir tal-alleanzi ġodda u perikolużi ‘il hinn mill-kontinent.

Fil-preżent, Donald Trump qed jinsisti biex l-Ukrajna ċċedi lir-Russja t-territorji li jinsabu okkupati mill-qawwiet tal-Kremlin jekk Zelensky ‘irid tassew’ li l-gwerra tieqaf …Dan ukoll fost l-insistenza ta’ Trump li ‘l-offerta għadha fuq il-mejda’.

Keir Starmer, issa, qal li r-Renju Unit u Franza se jaħdmu aktar mill-qrib, u b’kollaborazzjoni mal-Ukrajna, biex il-ġlied jieqaf fl-artijiet Ukreni u sakemm tinstab soluzzjoni għall-gwerra li hi sodisfaċenti għall-partijiet kollha. Fl-istess ħin, Starmer, li jiem ilu mar iżur lill-President Trump f’Washington, qal ukoll li l-pjan  inkwistjoni jrid ikun anki diskuss mar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti.

Il-President Zelensky ukoll qed jattendi għas-summit ta’ Londra li fih il-Mexxejja Ewropej, fost oħrajn, irrepetew ix-xewqa għall-paċi u l-appoġġ tagħhom lill-impenji biex dan ikun irrealizzat.

Is-summit, intant, kien ippjanat minn qabel il-laqgħa, wiċċ-imb-wiċċ bejn Trump u Zelensky li ħalliet id-dinja xxukkjata bil-livell tal-animosità li l-President tal-Istati Uniti u l-Viċi-President Amerikan, JD Vance, urew fil-konfront tal-Mexxej Ukren – bi  Trump, fost oħrajn, jgħid li ‘Zelensky qed jilgħab logħba tal-ażżard li tissogra l-bidu ta’ Tielet Gwerra Dinjija’.

Iżda minkejja li r-relazzjonijiet tal-Ukrajna mal-Istati Uniti għaddejjin mill-agħar żmenijiet fl-istorja, il-Mexxejja Ewropej, illum, qed juru biċ-ċar li qegħdin jappoġġjaw lil Zelensky u l-poplu tiegħu li qed jiġġieldu għas-sovranità ta’ pajjiżhom huma u jirreżistu l-aggressjoni tar-Russja.

Intant, u waqt li Keir Starmer ikkonferma li r-Renju Unit se ssellef lill-Ukrajna mat-2.26 billjun Sterlini għax-xiri tal-armamenti ta’ difiża, il-Prim Ministru Britannika għamilha ċara li s-summit tal-bieraħ f’Londra ma saritx bħala ‘ċanfira’ lil Donald Trump u l-Gvern tiegħu.

Fil-fatt, Starmer u l-Mexxejja tal-Ewropa qegħdin jevalwaw il-possibbiltà li jżidu malajr l-infiq fuq id-difiża Ewropea bħala kollettiv u biex jitkattru l-garanziji tas-sigurtà għall-Ewropa aktar mal-Istati Uniti titbiegħed minn dan l-impenn.

Sadanittant, it-taħditiet bejn il-Mexxejja Ewropej –minn issa ‘il quddiem – għandom jikkonċentraw ukoll fuq il-‘possibbiltajiet’ li l-Mexxejja tal-Istati Uniti u l-Ukrajna mill-ġdid jissieħbu f’taħditiet li jwasslu għal waqfien mill-ġlied u pjan ‘validu’ għall-futur fi żmien kruċjali għall-Ewropa u l-kunċett ġeo-politiku.;

Dan waqt li l-Prim Ministru Starmer sostna li l-iskop ewlieni tiegħu u tal-Mexxejja Ewropej oħrajn  numa li s jservu kontinwament bħala ‘punti ta’ kuntatt u għal riferiment’ bejn Trump u Zelensky.