Basketball Sport

Mapfre MSV Life Knock-out Nisa: Betsson Depiro jerbħu in-Knock-out għat-tieni sena konsekuttiva

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Starlites JSD………………59

Betsson Depiro ………..79

(10-16)(16-22)(17-21)(16-20)

It-tielet unur tal-istaġun tan-nisa intrebaħ minn Betsson Depiro hekk kif huma għelbu lil Starlites JSD 79-59 fil-finali tal-Mapfre MSV Life Knock-out. Dan kien ir-raba’ suċċess ta’ Depiro f’din il-kompetizzjoni u t-tieni wieħed konsekuttiv. Għal Depiro dan kien it-tieni unur tal-istaġun wara li fl-ewwel ġurnata rebħu wkoll is-Super Cup, Ir-rebħa ta’ Depiro kienet meritata hekk kif huma kienu fuq quddiem tul il-partita kollha u mmexxija mill-Amerikana Janai Crooms li spiċċat bi 15 -il rebound u 29 punt.Il-partita fetħet bi trippla fuq kull naħa minn Julia Borg u Makaila Napoleon. Depiro komplew bil-punti ta’ Crooms u għalkemm Napoleon wieġbet għal Starlites, kienu Depiro li temmew l-ewwel perjodu fuq quddiem 16-10. Depiro fetħu t-tieni sessjoni bi trippla ta’ Kristy Galea u punti minn Claire Ciantar u Borg biex fetħu vantaġġ ta’ 11 -il punt 27-16. Starlites wieġbu bi trippla ta’ Michela Zammit Cordina u aktar punti minn Napoleon qabel ma Depiro għamlu break qasir ta’ 7-0 bi trippla oħra ta’ Borg. It-taqsima għalqet bi trippla minn Sasha Lecuyer għal Starlites għal skor ta’ 38-26 favur Depiro.

Starlites tħabtu fil-ftuħ tat-tielet sessjoni bi trippla oħra ta’ Zammit Cordina flimkien ma’ Napoleon, Mikela Riolo u Ylenia Bonnett u naqqsu d-distakk għal 8 punti 36-44. Għal xi ħin iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin però Depiro għalqu s-sessjoni b’seba’ punti mingħajr risposta għal skor ta’ 59-43. Fl-aħħar sessjoni, Depiro fetħu vantaġġ massimu ta’ 20 punt 73-53 wara li Crooms kompliet tikseb il-punti flimkien ma’ trippla ta’ Nicole Agius. Starlites għalqu l-partita b’sitt punti mingħajr risposta qabel ma Depiro għamlu l-aħħar punti minn Galea u Agius u ħarġu rebbieħa 79-59. Il-player ta’ Depiro Janai Crooms b’persentaġġ finali ta’ 53%, 6 assists, 15 -il rebound u 29 punt rebħet l-unur tal-MVP tal-finali hekk kif Michael Galea f’isem Mapfre MSV Life flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat ippreżentaw it-trofew lil captain ta’ Depiro Claire Ciantar.

Starlites JSD: S. Lecuyer 6, M. Riolo 4, C. Cilia, P. Riolo 1,  M. Zammit  Cordina 16, M. Fenech, A. Lupo, M. Napoleon 18, Y.Bonett 14, F. Vella, E, Degiorgio, C. Curmi 2.

Sigma Depiro: Ni. Agius 6, J. Borg Xerri 4, J. Mallia, L. Sciberras 2, No. Agius, C. Ciantar 10, J. Borg 12, M. Micallef, N. Borg, K. Galea 9, J. Borg Cardona 7, J. Crooms 29.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Nicky Azzopardi, Miguel De Flavia.