Partit Nazzjonalista fil-Gvern ikompli jinvesti fil-ħaddiema, fl-għalliema, fl-istudenti, fil-persuni fil-qasam tas-saħħa – jiffoka fuq l-akbar riżorsa li għandu dan il-pajjiż – il-bniedem, għaliex jekk irridu l-eċċellenza rridu ninvestu fl-eċċellenza.
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’kollegament telefoniku l-Ħadd filgħodu fuq Net Television fejn insista li l-pajjiż irid bidla, u l-familji Maltin u Għawdxin jixtiequ li jkollhom tmexxija bbażata fuq governanza tajba.
Bernard Grech saħaq li meta Robert Abela u sħabu joħonqu l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament, meta l-Oppożizzjoni tippreżenta soluzzjonijiet u proposti quddiem l-isfida tal-għoli tal-ħajja u jiġu injorati – meta Abela jkun irid jitkellem waħdu biss anke quddiem skandlu bħas-serqa ta’ aktar minn mitejn kilogramma kannabis minn taħt idejn l-armata – ma jkunx qiegħed joħnoq il-vuċi tal-Partit Nazzjonalista iżda tal-poplu.
Għaldaqstant il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li hi x’inhi r-raġuni li ċ-ċittadini mhux jaqblu mat-tmexxija ta’ Robert Abela, nhar il-Ħadd 9 ta’ Marzu għandhom ikunu preżenti waqt il-protesta fil-Belt Valletta.
Bernard Grech sostna li l-Gvern qed jitmexxa minn Prim Ministru li mhux ħieles iżda kompromess u dgħajjef. Dan hekk kif skont il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Robert Abela jaf jagħżel bejn il-ħażin u t-tajjeb iżda mhux jieħu deċiżjonijiet għaqlin bħal fil-każ tal-Ministru Byron Camilleri li minkejja skandlu wieħed wara l-ieħor qed jibqa jisħaq li jafdah miegħu.
Bernard Grech spjega li l-Partit Nazzjonalista jinsab iffukat fuq il-ġejjieni tal-familji Maltin u Għawdxin, sabiex pajjiżna verament ikollu impjiegi ta’ kwalità u ekonomija reżiljenti u b’saħħitha. Minflok il-Gvern ta’ Abela iffukat sabiex ineħħi liċ-ċittadin id-dritt li jitlob ftuħ ta’ Inkjesta Maġisterjali biex jiddefendi lil tal-qalba.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li din hi d-differenza bejn partit u ieħor, li wieħed iffukat biex jaħbi lil sħabu, u ieħor iffukat biex jara kif se jtejjeb il-ħajja tan-nies – fatt li kontinwament qiegħed jagħmel Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>