Lokali

Robert Abela ma jemminx li l-Ukrajna għandha ċans tirbaħ il-gwerra kontra r-Russja

Il-PM jibqa’ jiddfendi lill-Ministru Byron Camilleri

Minkejja l-appelli ta’ bosta esperti, u għaqdiet, minkejja l-appell saħansitra tal-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Alfred Sant – il-Prim Ministru Robert Abela insista li m’aċċettax ir-riżenja tal-Ministru Byron Camilleri għaliex skont hu, huwa ċar li ma kellux x’jaqsam.

Dan saħqu waqt intervista rrekordjata u mxandra fuq is-Super One fejn b’rabta mal-iskandlu tas-serq tad-drogi mill-barracks tal-AFM, il-Prim Ministru insista li Camilleri wera sens ta’ rġulija u li ma kellu qatt jirriżenja għax ma kellux bżonn.

Dan minkejja li preżentament għaddejja inkjesta amministrattiva li dan għad trid tistabilixxieh – fost oħrajn jekk għandux jerfa’ responsabbiltà politika.

Fl-aħħar xhur u snin, Byron Camilleri kellu diversi skandli li tagħhom huwa responsabbli politikament għax jaqgħu taħt il-kappa ministerjali tiegħu fost oħrajn; is-suwiċidji fil-ħabs u r-rapport ta’ kundanna minn naħa tal-Ombudsman, il-fatt li kaxkxar saqajh fil-konfront tal-Kurunell Alex Dalli, l-iskandlu tal-ID Cards foloz, il-ħarba ta’ 4 Marokkini mill-mitjar…bi tnejn minnhom għadhom maħrubin għal kollox, inkjesta ssib li l-istat naqas mara bil-konsegwenza li nqatlet mir-raġel tagħha u issa din is-serqa ta’ aktar minn mitejn u għoxrin kilogramma raża tal-kannabis minn taħt idejn l-armata.

Intant, mistoqsi dwar il-Gwerra fil-Lvant tal-Ewropa, il-Prim Ministru żbilanċja ruħu b’mod assolut u qal li ma jemminx li hemm xi ċans li l-Ukrajna tirbaħ il-gwerra kontra r-Russja.

Filwaqt li insista kif inhu xieraq dwar il-bżonn tal-paċi – Robert Abela spjega li Malta għandha tibqa’ newtrali u li ħadd m’għandu jilgħab mal-kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

Il-kwistjoni qiegħda li huwa hu nnifsu li matul ix-xahar li għadda insista mal-media lokali li hemm bżonn isir tibdil biex jindirizza l-ħtiġijiet tal-lum il-ġurnata….

U filwaqt li insista dakinhar li hemm bżonn jiġu indirizzata ir-realtajiet preżenti, f’inqas minn xahar iddeskriva tali implikazzjonijiet magħmula minnu…bħala ġennati.

Intant Robert Abela mhux talli qed jibqa’ joħroġ għonqu għal Byron Camilleri, u mhux talli ma nafux fejn irid jieħu kostituzzjonalment lill-pajjiż – iżda qed jibqa’ jinsisti dwar il-validità tat-tibdil fil-liġi tal-inkjesta maġisterjali – bidla li se tkun qed tfisser li jċaħħad liċ-ċittadin milli jitlob għal ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali.

Abela qed jisħaq li din hija gidba tal-Partit Nazzjonalista, madanakollu mhux biss il-Partit Nazzjonalista li qed jinsisti – iżda hemm ukoll il-Kamra tal-Avukati, Kamra tal-Kummerċ, Malta Employers, l-Għaqda Studenteska GħSL, Professur Kevin Aquilina, Imħallfin Emeriti Silvio Camilleri u Joseph Said Pullicino, qalb lista twila ta’ esperti u professjonisti fil-qasam li qed jisħqu li l-pass li jrid jieħu Abela huwa wieħed żbaljat u ta’ theddida għad-demokrazija ta’ pajjiżna.