Internazzjonali

Stati Uniti: Lesti għas-97 edizzjoni tal-Oscars… Emilia Perez, Wicked, The Brutalist, Conclave u Anora f’tellieqa għall-‘Aħjar Film’

L-akbar ismijiet u personalitajiet mid-Dinja taċ-Ċinema qed jippreparaw għall-‘estravaganza’ tal-Oscars – jew aħjar il-premjazzjoni annwali tal-Academy Awards lil kulmin iddistingwa ruħu l-aktar fid-diversi kategoriji tal-films tul l-aħħar 12-il xahar.

Din, fil-fatt, se tkun is-97 Serata tal-Oscars mindu l-kunċett kien introdott f’Awwissu tal-1927 u li bħas-soltu qed tkun organizzata fil-belt ta’ Los Angeles – din id-darba taħt il-preżentazzjoni tal-komiku Amerikan, Conan O’Brien.

L-aktar film li għandu nomini għall-Oscar hi l-produzzjoni mużikali Emilia Perez, bil-lingwa Spanjola — għalkemm iċ-ċirkulazzjoni, fl-aħħar jiem,  ta’ xi ‘tweets’ offensivi min-naħa tal-attriċi prinċipali, Karla Sofia Gascon, setgħet naqqsitlu miċ-ċansijiet għal trijonf  memorabbli.

Fost il-produzzjonijiet oħrajn li qed jikkompetu għall-aktar Oscar prestiġjuż – li jingħata għall-Aħjar Film — hemm Wicked, The Brutalist, Conclave u Anora …Tellieqa missielta u fejn kien ferm diffiċli għal pronostiku ċar qabel ir-riżultat finali.