Il-Papa Franġisku, għat-tielet ġimgħa konsekuttiva, ma setax iwassal personalment it-talba tal-Anġelus tradizzjonali lid-devoti fi Pjazza San Pietru ta’ Ruma… Dan minħabba l-kundizzjoni fiżika delikata tiegħu – u f’liema sitwazzjoni, il-Vatikan ippubblika l-messaġġ tal-Papa li twassal lid-devoti mill-kamra tal-Isptar ta’ Gemelli (f’Ruma) fejn il-Kap tal-Kattoliċi ilu rikoverat mill-14 ta’ Frar.
Il-Papa kien kiteb il-kummenti fl-aħħar jiem u f’dan il-messaġġ hu rringrazzja lin-nies talli talbu għall-bżonnijiet tiegħu. Hu, intant, radd ħajr speċjali lit-tobba u l-membri l-oħra tal-istaff mediku li qegħdin jieħdu ħsiebu.
Parti mill-messaġġ kienet li ‘il-fraġilità tal-bniedem fiha wkoll l-aspetti pożittivi peress li f’mumenti bħal dawn, in-nies iħossuhom dejjem aktar qrib ta’ Alla’.
Il-Papa, intant, informa lill-Kattoliċi tad-dinja li hu, f’dan il-mument ukoll, qed iħossu qrib żafna tal-popli ta’ Alla u ta’ dan, hu xtaq li jirringrazzjahom mill-qalb.
Fil-messaġġ tal-Anġelus, il-Papa anki talab biex ikun hemm il-paċi f’pajjiżi ‘itturmentati’ bħall-Ukrajna, Iżrael u l-artijiet tal-Palestinja….Messaġġ li konkludiet li l-gwerra, aktar kulma jmur, ‘qed tidher dejjem aktar bla ħaġa sens u assurda’.
L-aħħar rapporti qalu li l-Papa kien qatta lejl ta’ mistrieħ u li fl-aħħar sigħat kien qed ikompli bit-terapija. Fl-aħħar sigħat ukoll marru jżuruh l-isptar il-Kardinal Pietro Parolin, li hu s-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan u l-Viċi tiegħu, il-Monsinjur Pena Parra.
Matul il-lejl tal-Ġimgħa, il-Papa, li ddaħħal l-isptar biex ikun trattat għall-pneumonia, kien sofra ‘kriżi tan-nifs’ oħra u fejn kellu jingħata aktar ossiġnu –sakemm is-sitwazzjoni tiegħu stabilizzat proprju l-għada.
//= $special ?>