Il-Mexxejja tal-Punent – f’dan il-każ l-Istati Ewropej, il-Kanada, it-Turkija u r-Rappreżentanti tan-NATO – għadhom kemm temmew is-summit ta’ Londra li fihom kienu diskussi l-prioritajiet ta’ difiża ġodda għall-Ewropa fid-dawl tal-avviċinament tal-Istati Uniti mar-Russja….Avveniment fejn il-gwerra fl-Ukrajna wkoll spikkat ħafna fl-aġenda tat-taħditiet.
Fil-fatt, il-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, żvela pjan – imqassam fuq erba’ fażijiet – li għandu jiggarantixxi l-paċi fl-Ukrajna wara aktar minn tlett snin ta’ gwerra.
Intant, ir-realtajiet ġodda huma ovvji għal kulħadd meta l-Ewropa ma tistax tingħata aktar garanziji li l-Istati Uniti se tkun hemm dejjem biex tħares is-sigurtà tal-kontinent.
Starmer, għaldaqstant, qal li l-Ewropa għandha xxammar il-kmiem u taħdem lejn sistema ta’ difiża ‘ġdida, effettiva u konkreta’ li hi anki valida bħala proġett kollettiv. Intant, hu qal ukoll li l-pajjiżi Ewropej jeħtieġu xorta l-appoġġ tal-Istati Uniti biex jirrealizzaw dan l-għan.
Ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u pajjiżi Ewropej oħrajn, fl-istess ħin, qablu biex jaħdmu flimkien mal-Ukrajna lejn it-tmiem tal-gwerra fit-territorji Ukreni.
Dan ukoll meta waqt is-summit kien hemm preżenti l-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, li pajjiżu ngħata l-garanziji ta’ aktar fondi mingħand ir-Renju Unit… Fondi li għandhom jintefqu fuq l-armamenti għad-difiża tal-Ukreni quddiem l-aggressjoni tar-Russja.
L-armamenti, fi kliem Starmer, għandhom jintużaw għax-xiri ta’ aktar minn 5,000 missili għal difiża kontra l-attakki mill-ajru…Dan waqt li l-President tal-Kummissjoni Eweropea, Ursula von der Leyen, qalet li, f’dawn iċ-ċirkustanzi ta’ inċertezza u t-theżżiż għall-alleanzi antiki, hu ‘importanti għall-Ewropa li tipprepara u tilqa’ għall-agħar xenarju possibbli’;
Intant, l-Ewropa, il-Kanada u t-Turkija, issa, qed iħarsu lejn il-blueprint ġdid ta’ difiża għas-sigurtà tal-popli — u meta hu ttamat li l-pjan jista’ jitmexxa ‘il quddiem anki bis-sehem tal-Istati Uniti….Dan minkejja l-politika kważi ostili tal-President Amerikan, Donald Trump, fil-konfront tal-Ukrajna u l-President Zelensky.
Waqt is-summit, il-pajjiżi qablu biex l-Ukrajna tibqa’ tirċievi l-għajnuna militari u biex ir-Rapprżentanti Ukreni jkunu dejjem preżenti madwar il-mejda għal kwalunkwe taħditiet għall-paċi.
Il-Mexxejja Ewropej se jimpenjaw ruħhom ukoll biex ma jippermettux għal xi invażjoni ‘oħra’ tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi fil-futur — u biex titwaqqaf ‘koalizzjoni tal-pajjiżi determinati biex jidefendu lill-Ukrajna u jiggarantixxu l-paċi fl-artijiet tal-Ukreni’.
//= $special ?>