Internazzjonali

AĠĠORNATA: Ma jidhirx li kien hemm skop politiku fl-inċident fil-Ġermanja; il-vittmi telgħu għal tnejn

Einsatzkräfte der Polizei sichern den Tatort. Foto: Rene Priebe/dpa

Il-Pulizija fil-belt ta’ Mannheim, f’dan il-punt, ma jemmnux li li r-raġel li, sigħat ilu, saq karozza direttament għal fuq folla ta’ nies preżenti waqt suq tal-karnival seta’ wettaq din l-azzjoni bi skop politiku ….Intant issa hu konfermat li fl-azzjoni nqatlu żewġ persuni u b’oħrajn jispiċċaw feruti.

Il-vittmi tal-azzjoni jistgħu jiżdiedu minn ħin għal ħin, bl-awtoritajiet f’Mannheim ma jispeċifikawx jekk l-azzjoni setgħetx kienet ‘ippremeditata’ bl-iskop li tħalli l-akbar ammont possibbli ta’ vittmi.

L-inċident qajjem paniku kbir f’dik iz-zona ta’ Mannheim, bil-karozza – tat-tip SUV ta’ kulur iswed — ittajjar numru ta’ vittmi waqt li n-nies kienu qed jiġru ‘il hawn u ‘il hinn fost it-terrur tal-mument.

Is-sewwieq tal-karozza — raġel Ġermaniż ta’ 40 sena — spiċċa arrestat fuq il-post, bil-Pulizija u l-awtoritjiet lokali minnufih imexxu investigazzjoni bir-reqqa fiz-zona tal-inċident, fiċ-ċentru ta’ Mannheim. Is-suspettat hu identifikat bħala residenti fl-Istat ta’ Rhineland-Palatinate viċin ta’ din il-belt — bil-pulizija temmen li hu kien qed jaġixxi waħdu, mingħajr l-għajnuna ta’ kompliċi.

Qabel l-attakk, inġabru l-folol kbar tan-nies biex jiddevertu waqt is-suq tal-karnival li fih spikkaw il-bottegini tal-ikel flimkien mal-logħob tipiku assoċjat ma’ fairground.

Din iz-zona, imbagħad, ingħalqet lill-pubbliku, bil-pulizija jwissu lin-nies biex jevitaw l-inħawi fost il-wasla fuq il-post ta’ aktar skwadri għall-emerġenzi.

Il-Ġermanja  tinsab fuq stat ta’ allert għoli wara li fl-aħħar ġimgħat seħħew diversi attentati terroristiċi – u qattiela – f’numru ta’ bliet.

Fost dawn l-attakki kien hemm l-inċident tax-xahar li għadda fejn raġel saq il-karozza lejn folla ta’ attivisti waqt rally trejdunjonistiku fil-belt ta’ Munich u bir-riżultat li talanqas 30 spiċċaw feruti. Intant, f’Diċembru, kien hemm il-każ ta’ Magdeburg — fejn raġel saq karozza b’veloċità fid-direzzjoni tan-nies fi Christmas Market u fejn kienu nqatlu sitta fost il-midruba.

Bħalissa, u waqt li l-pulizija qed jinvestigaw l-inċident ta’ Mannheim, l-awtoritajiet fl-Isptar tal-Università ta’ din il-belt qed jattivaw sistema biex tħaffef ir-reazzjont għal sitwazzjonijiet ta’ diżastru, Dan fost l-istennija għal numru akbar ta’ vittmi milli hemm irrappurtat sa issa.

Sadanittant, f’Mannheim, għad hemm preżenza qawwija tal-pulizija, bil-ħelikopters tal-Korp qed itiru kontinwament minn fuq dik il-belt.