Lokali

Żewġ periti jista’ jitteħdilhom il-warrant b’rabta mal-mewta ta’ Miriam Pace

Il-Kamra tal-Periti waslet biex tikkonkludi d-deċiżjoni tagħha b’rabta mal-futur professjonali ta’ Roderick Camilleri u Anthony Mangion; iż-żewġ periti misjuba ħatja ta’ omiċidju involontarju b’rabta mal-kollass tal-bini fil-Ħamrun fl-2020 – tiġrif li ħasad il-ħajja ta’ Miriam Pace.

Il-President tal-Kamra tal-Periti, Andrè Pizzuto qal li bħalissa qed tiġi abbozzata d-deċiżjoni li se tiġbor il-provi u x-xhieda; filwaqt li tispjega r-raġunament tal-kunsill fid-dettall.

Ir-riżultat tar-rapport se jiddetermina jekk Camilleri u Mangion humiex se jitilfu l-warrants tagħhom b’mod permanenti, jiġu sospiżi, jew jiffaċċjaw konsegwenzi professjonali oħra.

Fil-proċeduri tal-Qorti, huma diġà ngħataw sentenza ta’ xogħol fil-komunità.

Andrè Pizzuto kkonferma li r-ruling tal-Kamra tal-Periti bħalissa qed jiġi abbozzat u mistenni li jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin. S’issa, iż-żewġ periti għadhom qed iżommu l-warrants professjonali tagħhom.

Il-kamra kellha tistenna li l-proċeduri tal-Qorti jiġu konklużi qabel ma bdiet l-investigazzjoni tagħha dwar l-imġiba professjonali tagħhom. Dak il-proċess, li kien jinvolvi l-valutazzjoni tal-evidenza u s-smigħ tax-xhieda, ġie konkluż fis-sajf li għadda. Minn dakinhar il-kunsill tal-Kamra tal-Periti iddelibera u wasal għal verdett.

It-tiġrif tad-dar ta’ Pace fit-2 ta’ Marzu 2020 seħħ minħabba xogħlijiet ta’ tħaffir biswit il-propjetà sorveljata mill-perit tas-sit Roderick Camilleri u mill-uffiċjal tekniku tas-sit Anthony Mangion. It-tnejn instabu ħatja ta’ omiċidju involontarju mill-Qorti fl-2022 u ġew ikkundannati b’sentenza ta’ ħabs sospiża… u servizz fil-komunità. Illi fi kliem sempliċi jfisser li ma ntbagħtux il-ħabs.

Wara li nstabu ħatja, il-Kamra tal-Periti kienet bdiet proċeduri separati biex tiddetermina jekk għandhomx jitħallew ikomplu jipprattikaw bħala periti.